Raġel qed jinżamm arrestat b’rabta ma’ Hold Up li seħħ nhar il-Ħamis 2 ta’ Awwissu fl-Imsida.
F’dan il-każ anzjan ta’ 72 sena sofra minn ġrieħi gravi wara li l-allegat agressur attakkah b’arma li taqta’ u bil-ponta.
B’mod esklussiv ONE News huwa infurmat li r-raġel ġie arrestat ilbieraħ f’operazzjoni f’Birkirkara mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, uffiċjali mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u dawk mill-Għassa tal-Imsida.
Dan seħħ wara jiem twal ta’ investigazzjonijiet u sorveljanza.
Fil-ħin li seħħ il-każ, l-anzjan Naxxari kien qed jiftaħ il-ħanut tiegħu fi Triq ix-Xatt fl-Imsida, meta l-agressur allegatament talbu l-flus.
L-allegat agressur li jinsab f’idejn il-Pulizija qed jiġi nvestigat u nterrogat u mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin.
Fost l-akkużi li l-Pulizija mistennija tixli lir-raġel bihom hemm dik ta’ feriment fuq persuna anzjana.