Il-Programm ta’ Ċittadinanza ta’ Malta ġie kklassifikat bħala wieħed mill-aqwa programmi ta’ ċittadinanza b’investiment fl-industrija.
Indiċi maħruġ minn Professional Wealth Managment, publikazzjoni speċjalizzata maħruġa mill-Financial Times, juri li l-programm ta’ ċittadinanza ta’ Malta għandu l-aktar proċess ta’ skrutinju rigoruż konfermat mit-tul ta’ żmien meħtieġ sabiex tiġi pproċessata l-applikazzjoni.
L-indiċi jikkonferma wkoll li l-applikanti jridu jagħmlu l-ogħla kontribuzzjoni f’termini ta’ fondi li jirċievi l-pajjiż b’mod dirett, imqabbel ma’ pajjiżi oħra li jagħtu ċittadinanza suġġett għal xiri ta’ proprjetà jew investimenti li jibqgħu fil-pussess tal-applikanti.
Dan l-indiċi jikkonferma li għal kuntrarju ta’ pajjiżi oħra, Malta tesiġi li applikanti jrid ikollhom status ta’ residenza u jqattgħu xi żmien jgħixu f’Malta. Dan jagħmilha aktar diffiċli għall-applikanti sabiex jieħdu ċ-ċittadinanza Maltija.
Fl-istess waqt l-Aġenzija li tamministra l-programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment ta’ Malta kisbet punti tajbin għall-mod kif tmexxi l-proċess ta’ evalwazzjoni li huwa fost l-aqwa fl-industrija.
Malta toffri wkoll ħafna valur miżjud lill-applikanti li juru interess f’pajjiżna għax il-passaport Malti jagħti aċċess għal ’l fuq minn 180 pajjiż u livell ta’ għajxien tajjeb ħafna lil dawk il-familji li qegħdin ifittxu pajjiż aktar sigur biex jrabbu l-familja tagħhom u jfittxu opportunitajiet ta’ investiment aħjar.