Iktar minn 21,000 flixkun tal-plastik u 2,000 tapp inġabru f’inizjattiva ta’ tindif wara l-Festival tal-Birra. L-inizjattiva, PlastiKAXXA, kienet frott ħidma konġunta mill-GreenPak u l-NGO Żibel.
Waqt il-festival, persuni li żaru Ta’ Qalu setgħu jarmu l-plastik f’wieħed minn seba’ kontenituri tal-iskart madwar is-sit, u kellhom iċ-ċans jirbħu permju ta’ €50.
Fl-istess ħin, kontenituri iżgħar kienu disponibbli għar-rimi ta’ tappijiet żgħar bħala parti mill-inizjattiva Nirriċikla għall-Istrina, li s-sena li għaddiet ġabret mal-€20,000.