Madwar erba’ mitt ruħ tilfu ħajjithom u eluf oħra spiċċaw bla saqaf fuq rashom kawża ta’ għargħar kbar li seħħ fl-Indja fl-istat ta’ Kerala fi tmiem il-ġimgħa li għadda.
One News tkellem ma’ membri minn Fondazzjoni Maltija ta’ dan il-post fejn qalu li mijiet ta’ suldati u għexieren ta’ dgħajjes u ħelikopters bħalissa qegħdin jaħdmu qatigħ biex jevakwaw persuni mill-agħar għarar li qatt esperjenza l-pajjiż.
F’Malta joqogħdu madwar tlett elef persuna minn Kerala u l-Fondazzjoni li bnew qed torganizza diversi inizjattivi sabiex jinġabru flus għal mijiet ta’ nies li minħabba l-għargħar spiċċaw b’ta’ fuqhom senduqhom.
Is-Sur Vibio Xavier spjega kif minħabba d-diżastru li qed jiġri fl-Indja kellhom komunikazzjoni limitata ħafna mal-qraba u l-ħbieb tagħhom li jinsabu hemm iżda kif minkejja kollox, in-nies xorta jinsabu maqgħuda.
Intant, hu maħsub li s-sitwazzjoni jaf tiggrava hekk kif mistennija aktar xita kif ukoll riħ qawwi matul tmiem il-ġimgħa.