Attwalment f’pajjiżna hawn 220 liċenzja għal entitajiet li joffru servizzi ta’ ħarsien soċjali minn djar ta’ tfal sa dawk li joffru kura għall-anzjani.
Bil-għan li jkun assigurat servizz ta’ kwalità u li jixraq id-dinjità tal-persuni vulnerabbli, t-Tnejn li għadda, l-Awtorità ta’ standards ta’ ħarsien soċjali ngħatat is-saħħa biex tibda topera f’pajjiżna.
One News iltaqa’ mal-kap eżekuttiv tal-Awtorità, Matthew Vella, li fisser ix-xogħol ta’ din l-Awtorità li twaqqfet fl-aħħar ta’ Mejju li għadda:
“Ix-xogħol tagħna jibda mit-twaqqif, l-iżvilupp ta’ dawn l-istandards differenti li jkunu magħmulin fuq riċerka u li jsiru wara konsultazzjoni pubblika u li fl-aħħar mill-aħħar qed iħarsu l-interess tal-aktar persuni vulnerabbli, it-tieni stadju jkun li l-Awtorità tara li dawn l-istandards qed jiġu mwettqa”
Is-Sur Vella spjega kif se jkun tim professjonali li jassigura li dawn l-istandards verament jiġu implimentati, kemm fost dawk li qed jingħataw servizzi fil-komunità sa fid-djar residenzjali tal-anzjani.
Dan fl-istess waqt li l-Awtorità għandha l-irwol li toħroġ il-liċenzji b’ġudizzju msejjes fuq ir-realtà hemm barra bil-għan li l-kwalità tas-servizz tkompli titjieb.
Mistoqsi dwar il-mod li bih se jsir moniteraġġ ta’ dawn l-entitajiet tal-Gvern, tal-knisja u anke privati, il-kap eżekuttiv tal-Awtorità qal li se jsiru spezzjonijiet fuq bażi annwali biex toħroġ il-liċenzja u oħrajn għall-għarrieda.
“Il-ħsieb tagħna mhux li nagħlqu xi residenza jew oħra imma l-ħsieb tagħna hu li nibdew vjaġġ flimkien mas-service providers u anke mas-service users biex il-kamp soċjali ntejbuh minn angoli differenti u nistgħu nagħmlu dan billi jkollna djalogu u konsultazzjoni”
Temm isostni li l-Awtorità trid timxi b’mod ġust u ugwali ma’ kull entita.