Ċans ieħor biex aktar nisa jipparteċipaw fil-politika, hekk kif il-Partit Laburista qiegħed iniedi sejħa ġdida għall-programm LEAD. Programm immirat sabiex tkompli tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u jindirizza l-isfidi reali tan-nuqqas ta’ nisa fil-politika.
Is-sejħa l-ġdida tal-Programm Lead, tħabbret f’konferenza tal-aħbarijiet fuq Facebook Live.
L-ewwel sejħa tal-programm Lead kienet deskritta bħala suċċess.
Ħamsa u tmenin mara applikaw għal programm Lead. Minnhom intgħazlu sebgħin parteċipanta.
Huma tqassmu f’żewġ gruppi u ingħataw tagħrif minn professjonisti dwar oqsma diversi. Filwaqt li l-parteċipanti ingħataw taħriġ ta’ kif jipparteċipaw f’dibattitu, intervisti u anki kif jiktbu artikli.
Il-Parteċipanti kellhom ukoll mentoring, fejn b’mod individwali segwew il-ħidma ta’ ministri, segretarji parlamentari u d-deputati.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat, kien il-mentor ewlieni f’dan il-programm, fejn qasam l-esperjenza politika tiegħu mal-parteċipanti kollha.
Il-Prim Ministru, impressjonat dwar l-involviment ta’ diversi nisa f’dan il-programm, fisser kif “LEAD mhuwiex sempliċiment programm, iżsa viżjoni li trid li l-mara tieħu l-post li jixirqilha fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew, Miriam Dalli, li hija koordinatur ta’ dan il-programm, qalet li tinsab konvinta li t-tieni sena ta’ LEAD se tressaq lejn il-partit Laburista aktar nisa ġodda, li jixtiequ jidħlu fil-politika għal-ewwel darba.
Dawk interessanti jistgħu japplikaw minn fuq is-sit -www.lead.org.mt.