Kważi xahrejn wara li fekruna telgħet tbid fil-bajja tal-Ġnejna, tard l-Erbgħa filgħaxija aktar minn 98 ferħ ta’ din il-fekruna faqqsu u qabdu triqithom lejn il-baħar.
Xhieda fuq il-post qalu lil one.com.mt li kien għall-ħabta tad-21:13 li ħarġet l-ewwel ferħ tal-fekruna minn taħt ir-ramel. Sal-21:40, 98 oħra segwewha fil-baħar.
Din kienet it-tieni darba fl-aħħar snin li faqqas bajd tal-fekruna u ż-żgħar tagħha rnexxielhom jaqbdu t-triq lejn il-baħar.
Dan minkejja li kien hemm il-biża’ li din is-sena ma jfaqqasx wara x-xita qliel li niżlet fl-aħħar ġimgħat. Fil-fatt il-frieħ tal-fkieren issorprenda lil dawk li kienu fil-bajja meta ħarġu mill-bejta matul il-lejl, wara perjodu ta’ inkubazzjoni li kien ta’ success.
Fi stqarrija, l-ERA qalet li l-għaqda ambjentali Nature Trust u l-voluntiera li kienu preżenti infurmaw immedjatament lill-Awtorità dwar l-avveniment li kien qed iseħħ u għamlu l-ewwel interventi biex il-frieħ jaslu sal-ilma bl-inqas periklu possibbli.
L-Awtorità spjegat li l-frieħ huma miġbuda lejn id-dawl tal-qamar li jdawwal il-wiċċ tal-baħar u l-istint tagħhom meta joħorġu mill-bajd, huwa li jgħumu lejn id-dawl. B’hekk, l-ERA ħadiet passi biex tnaqqas l-effett tad-dawl artifiċjali u biex tneħħi xi ostakli fiżiċi fil-bajja biex tiżgura li l-frieħ tal-fekruna jaslu sal-baħar.
L-ERA tat ħajr l-NTM, il-Ministeru għall-Ambjent u l-voluntiera li taw il-ħin tagħhom sabiex jintlaħaq l-iskop li tkun protteta din l-ispeċi u titkompla tissaħħaħ il-bijodiversitá tal-ibħra Maltin.
Kien fil-25 ta’ Ġunju li għadda li fekruna tal-ilma baħar biedet numru sostanzjali ta’ bajd fil-bajja tal-Ġnejna.
Ma’ ONE News, Vince Attard, minn Nature Trust kien irrakkonta li kien grupp ta’ żgħażagħ li kienu qed jagħmlu BBQ mal-ħbieb tagħhom li innutaw il-fekruna tiela’ fuq il-bajja u tbid.
Ritratt:Chris Zammit Cordina
Filmat: Clive Tanti