“Ħassejt ġismi qiegħed idub u ħassejt ħruq kbir”. Din kienet waħda mid-dikjarazzjonjiet li għamel il-kuntistabbli Simon Schembri waqt li kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront taż-żagħżugż Liam Debono li jinsab mixli bl-attentat ta’ Schembri wara li f’nofs Ġunju li għadda kaxkru għal diversi metri taħt karozza f’Ħal Luqa.
Viżibbilment emozzjonat u muġugħ u f’awla mimilja bi qraba u kollegi, Schembri telà fuq il-pedana tax-xhieda mingħajr ma xeħet ħarstu darba lejn Debono li ma refax għajnejgħ mill-art.
Schembri, li kien ilu 22 sena fil-korp, stqarr li dakinhar tal-attakk, beda l-jum tax-xogħol għall-ħabta tas-06:00 b’ronda fuq iż-żona tan-nofsinhar ta’ Malta li tinkludi Ħal Luqa.
Xehed li ftit tal-ħin qabel kien ma’ kollega jaħdmu fuq ħabta f’Raħal Ġdid u hekk kif lesta, qabad triqtu lejn Ħal Luqa. Qal li hekk kif qabeż l-ajruport l-antik, innota Mercedes griża li kellha l-ħġieġ bit-tinted u waqaf maġenbu biex jiġbed l-attenzjoni tax-xufier.
Il-kuntisabbli qal li l-akkużat niżżel it-tieqa u nnota li kellu s-seat mitfugħ lura u ma kienx liebes ċintorin tas-sigurtà. Hawn Schembri tarraflu l-kliem “Ħabib, lanqas seatbelt m’għandek?” u talbu biex kif jaslu mar-roundabout jieqaf biswit il-waqfa tal-karozzi tal-linja.
Schembri qal li minkejja li kien hemm spazju biżżejjed, Debono ma pparkjax il-karozza sew fil-ġenb tat-triq. Qal li hawn mar mat-tieqa u wara li beda jitolbu d-dokumenti, Debono qallu “u ejja ħallini” għal diversi drabi.
Simon stqarr li kien hawn beda l-attakk. Qal li hekk kif resaq il-quddiem, mal-ġenb tal-vettura, biex jiċċekkja l-pjanċi, ra l-karozza tiċċaqlaq u tiġbed fid-direzzjoni tiegħu minflok lejn il-karreġġjata ta’ barra.
Minkejja li prova jiġbed l-attenzjoni ta’ Debono, dan kien kollu għal xejn għax f’sekonda sab ruħu fuq il-bonnet tal-vettura jissielet biex jaqbad ma’ xi ħaġa biex ma jaqax taħt il-karozza.
Viżibbilment emozzjonat, Schembri spjega li dan kien kollu ta’ xejn għax żelaq u ġie wiċċu l-isfel taħt il-vettura. Jiftakar li waqt li kien qed jissielet biex joħroġ, ra l-karozza maqtugħa mill-art u beda jgħajjat “X’għamiltlek jien ? Għalfejn qed tagħmilli hekk ? Ħa toqtolni!”.
Mitlub jiddeskrivi x’ħass dak il-ħin, stqarr li ħass ġismu qed idub u ħruq kbir tant li għaddielu minn moħħu li kien se jmut. Schembri żied jgħid li f’ħin minnhom ħass il-karozza ddur u ħassu jinqala’ minn taħtha.
Bi grinta f’għajnejgħ, Schembri ħares lejn il-Maġistrat u qal li minkejja li kien qed iħoss uġigħ immaġinabli, ġġieled miegħu nnifsu biex jibqa jieħu n-nifs għax beża’ li jekk jieqaf, kien se jitlef ħajtu.
Minkejja li kien viżibilment muġugħ tant li għal diversi drabi offrewlu siġġu biex jistrieħ, Schembri baqa fuq saqajh fuq il-pedana tax-xhieda jgħid dak kollu li għadda minnu tant li qal li jiftakar persuna ttih l-ewwel għajnuna u jiftakar lis-Surġent tiegħu jitlob l-għajnuna medika fuq ir-radju u jiftakar li qallu biex ma jgħidx lil martu Moira b’dak li kien ġara.
Schembri temm ix-xhieda dettaljat tiegħu billi qal li l-aħħar affarijiet li jiftakar kienu li ġie tabib u tah injezzjoni biex ma jħossx l-uġigħ qabel rikkbuh fl-ambulanza.
Qal ukoll li dan l-attentat ta’ qtil wassal biex tilef minn minkbu ‘l isfel tad-driegħ il-leminija, ġrieħi serji f’spalltu, f’sidru, ksur ta’ 11-il kustilja u partijiet mix-xewka ta’ dahru fost oħrajn
Kawża ta’ dan, Schembri qal li għadda minn żewġ operazzjonijiet u stqarr li t-triq tal-fejqan hi twila ħafna.
Tul ix-xhieda ta’ Schembri, Liam deher diversi drabi jħares lejn Schembri u jerġa’ jdawwar ħarstu lura lejn l-art.
Iktar kmieni l-Ispettur Fabian Fleri talab lill-Qorti biex isir intervent mill-Europol biex jinkiseb aċċess għall-mobile ta’ Debono. Mobile li jista jkun kruċjali bħala evidenza f’dan il-każ u f’oħrajn li hemm pendenti kontra Debono nnifsu.
Debono baqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva tal-YOURS bil-kumpilazzjoni tkompli nhar is-7 ta’ Settembru.