Daħlu f’fażi oħra x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-pont ta’ bejn Ħal Qormi u l-Marsa.
Ix-xogħol ta’ manutenzjoni fuq dan il-pont beda f’Novembru li għadda, hekk kif tneħħew partijiet mill-qoxra tal-konkos ta’ wħud mill-kolonni tal-pont sabiex ikunu jistgħu jiġu studjati l-interventi meħtieġa.
Ix-xogħlijiet fuq dan il-pont qed isiru b’investiment ta’ madwar mitejn elf ewro u mistennija jitlestew sal-aħħar tas-sena.
Il-Perit Anton Zammit jispjega eżattament il-fażi l-ġdida li daħlu fiha dawn ix-xogħlijiet.
“Il-pubbliku forsi kien qed jinnota li dan qed mikxuf u ma kienx qed issir intervent imma fil-verita ahna konna ga identifikajna din il-hsara u nehejna l-bicciet tal-konkos iktar bhala safety ghal publiku biex wieħed ma jkunx ghaddej bil karozza jew mixi u jaqaw bicciet tal konkos fuqu”, biex issa, ix-xogħolijiet jieħdu xejra oħra.
Waqt din il-ħidma qegħdin jittieħdu wkoll kampjuni tal-konkos mill-qalba tal-istruttura tal-pont, sabiex isiru aktar studji xjentifiċi fil-laboratorju li bihom ikun jista’ jiġi ppjanat il-futur tal-pont fis-snin li ġejjin.
Il-Perit Zammit spjega kif f’pajjiżna hawn mija u erbgħin pont u fuqhom isir studju kontinwu s-sena kollha biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda periklu. Qal li “aħna nemmnu wkoll li l-ispezzjonijiet li saru matul is-snin tatna l-level of comfort li nistgħu ngħidu li ma għandnix dak it tip ta periklu”
Ix-xogħol fuq il-pont tal-Marsa-Ħamrun By-Pass li għandu ‘l fuq minn ħamsin sena u jistrieħ fuq erbgħin kolonna qed issir wara li ftit tax-xhur ilhu tlesta x-xogħol fuq il-pont ta’ bejn ix-Xemxija u l-Mellieħa.