Xi snin ilu, flimkien mal-familja tiegħi, kont għal btala fi Sqallija, preċiżament f’Mondello. Għajr il-baħar u l-panorama ma hemm xejn speċjali. Post b’potenzjal turistiku enormi, imma mitluq. Kieku dan il-post kien Malta, nġibuh qisu l-Karibew.
Imma dan il-post, kellu xi haġa li Malta ma noħolmux dwarha. Spiżerija bil-lejl. Xejn speċjali. Tieqa armata b’mod li tagħti sigurtà lil min ikun hemm warajha, bi spazju appożitu biex tiġbor il-mediċina.
F’Malta għadna fil-medju evu. Pajjiż li mexa ‘l quddiem ħafna fejn jidħlu libertajiet ċivili, imma għadna lura biex nilliberalizzaw ċertu oqsma.
Jien wieħed minn dawk li nemmen li jekk int għandek ħanut u triq tiftħu 24 siegħa kuljum għal sebat ijiem fil-ġimgħa, għandu jkollok id-dritt li tagħmel dan. Ħadd ma hu sidek jekk trid tqatta’ ħajtek fil-ħanut. Ovvjament ma jkollokx dritt iddaħħal ħaddiema bil-fors f’dawk il-hinijiet li jmorru oltre dawk li imdorrijin bihom.
Fil-qasam farmaċewtiku is-sitwazzjoni hija agħar. Jiġi l-Ħadd jew festa pubblika u jkollok tixtri gazetta bil-fors biex tkun taf liema spiżeriji huma miftuħa. Ħafna drabi tkun spiżerija l-bogħod u jekk ma jkollokx karozza, tispiċċa ssaffar l-Aida ta’ Verdi. Dan apparti l-fatt li l-Ħadd wara nofsinhar, kif ukoll fil-festi pubbliċi, ma ssibx spiżerija miftuħha, għajr waħda f’Malta.
Din is-sitwazzjoni minn dejjem niftakarha hekk. X’inhi r-raġuni loġika wara dan kollu għadni ma nistax nasal għaliha. Il-konsegwenza ta’ din is-sitwazzjoni hi li minkejja li tkun taf x’mediċina għandek bzonn u li tista’ takkwistha bla riċetta, tkun trid tmur saħansitra l-isptar jew poliklinika biex tinqeda. L-istess jgħodd għal mediċini li jkollok bżonn u li għalihom ikollok riċetta tat-tabib li forsi jkun għamillek pjaċir u ġie jżurek. Rak it-tabib, qallek x’għandek, ordnalek x’tieħu, imma trid tibqa tistenna sa l-għada biex tieħu l-mediċina u jtaffilek il-mard.
Totalment ba sens!
Spiżerija, apparti l-aspett ekonomiku ta’ sidha, għandha ukoll aspett soċjali u ta’ ċerta importanza. Min jaf kemm-il darba jkun il-Ħadd imqaddes u jkollok bzonn xi ħaġa malajr minn spizerija, speċjalment xi mediċina, u ma tistgħax tinqeda. Jiġik it-tabib id-dar, jordnalek mediċina, u jekk ma jkollokx min jaqdik u jiehdok sa l-ajruport sa l-22:00, trid tistenna li tiftaħ l-eqreb spiżerija l-għada.
Wasalna fi żmien fejn dan is-settur għandu mhux biss ikun liberalizzat, u jiftaħ min irid jiftaħ meta jrid jiftaħ, imma s-sistema ta’ roster għandha biss tintuża biex tassigura li jkun hemm numru ta’ spiżeriji miftuhħha fil-ġranet mhux tax-xogħol normali.
Għandu jkun hemm spiżeriji miftuħha li jagħtu servizz bil-lejl ukoll għal dawk il-każijiet li jinqalgħu mal-lejl.
Persważ li meta s-settur ikun liberalizzat, kulħadd ikun irid jiftaħ. Pero min ma jkunx irid, ma għandux ikollu dritt iwaqqaf lil min irid.
Fuq kollox, bil-liberalizzazzjoni, ikunu moqdija aktar iċ-ċittadini, u flok tmur l-isptar jew poliklinika biex tinqeda, tmur privatament għand l-ispiżjar li jkun miftuħ, u b’hekk tnaqqas ukoll l-influss ta’ nies lejn l-isptarijiet u polikliniċi.
Is-settur tas-saħħa għamel passi ta’ ġgant ‘il quddiem matul dawn l-aħħar ħames snin. Jekk is-settur farmaċewtiku jkun liberalizzat, nagħmlu pass ieħor biex is-servizz tas-saħħa lokali, li jkun l-aqwa fid-dinja.