Fl-aħħar żmien kienu bosta dawk li fuq il-mobile tagħhom irċivew telefonati minn pajjiżi oħra, fosthom mis-Somalja, is-Seychelles jew l-Iżvizzera.
Telefonati li però ħafna drabi ma jagħtukx ċans twieġeb, bl-iskop warajhom ikun li inti terġa’ ċċempillhom lura.
Dwar dan l-Ispettur tal-Pulizija fi ħdan is-Cyber Crime Unit, Timothy Zammit, spjegalna kif f’din l-iskema qarrieqa persuna tirċievi telefonata, jew SMS b’messaġġ tat-tip “ċempel lili emerġenza”.
Spjega li “li jkun qed jiġri f’każijiet bħal dawn huwa li l-persuna n-naħa l-oħra qed tipprova ġġegħlek iċċempel lura. Il-mument li inti ċċempel lura, qiegħed iċċempel fuq numru premium rated number, li allura l-cost, iċ-charge li se teħel ghalih huwa ta’ iktar minn telefonata normali u f’ċertu każijiet iwassal għal diversi euros jew għexieren ta’ euros.”Fi ftit kliem, bħalma ċċempel biex tibgħat donazzjoni f’xi maratona ġbir ta’ fondi, f’dawn il-każi tkun qed iċċempel u tagħti l-flus mill-mobile tiegħek lil dawn il-persuni.
L-Ispettur Zammit spjega li f’dawn il-każi, it-telefonata jew sms issir permezz ta’ programmi tal-kompjuter, li mhux neċessarjament ikunu mill-pajjiżi indikati.
Sfurtunatament, spjega l-Ispettur, ikun hemm min jaqa’ għal din in-nasba, speċjalment nies li jkollhom qraba barra minn xtutna, u li jibżgħu li dawn il-qraba jkun ġralhom xi ħaġa.
Qal li “F’każijiet bħal dawn, jekk inti għandek dubju dwar persuna li forsi qiegħda msiefra, għandhiex problema, ċempillha fuq in-numru tagħha. Iċċempillhiex fuq dawn in-numri li tkun qed tirċievi messaġġi jew inkella missed calls mingħandhom.”
L-Ispettur temm jgħid li, minkejja l-ħidma kollha tagħhom, każi bħal dawn huma diffiċli biex issolvihom, għax l-għodod użati huma legali.
Għaldaqstant saħaq li l-prevenzjoni hi l-qofol ta’ kollox, għax ladarba l-flus ikunu ħarġu minn pajjiżna, jew saħansitra mill-Ewropa, ikun diffiċli immens li jinġiebu lura.