L-awtopsja li saret fuq iż-żiemel li tilef ħajtu fil-Furjana kkonkludiet li ż-żiemel tilef ħajtu kawża tar-rotta magħżula, it-toqol li kellu u s-sħana.
Id-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali, illum ippreżenta kwerela lill-Pulizija ta’ Malta sabiex jittieħdu l-proċeduri kriminali meħtieġa kontra l-kuċċier taż-żiemel involut. Dan abbażi tal-provedimenti legali fl-Att Dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali Kapitlu 439 artiklu 8, subartikli 2 u 4 fejn u mistqarr li, “L-ebda annimal ma għandu jiġi mġiegħel isofri uġiegħ, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn”, kif ukoll, “kull persuna għandha tieħu dawk il-passi raġonevoli f’kull ċirkostanza sabiex tiżgura li l-ħtiġiet ta’ annimal li hija responsabbli għalih, jew li taqbel li tieħu ħsieb, jintlaħqu hekk kif meħtieġ bi prattiċi tajba sabiex tiġi żgurata s-saħħa u l-benesseri tal-annimal.”
L-eżami xjentifiku identifika l-fatturi illi kkontribwixxew għall-mewt taż-żiemel involut, fost dawn individwa s-sofferenza għal fatt li ż-żiemel kien espost għas-sħana kif ukoll li f’dawn iċ-ċirkostanzi kien tiela’ telgħa wieqfa b’tagħbija u għaldaqstant ikkawżat temperatura eċċessiva tal-ġisem.
Il-Ministru José Herrera u s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri jsostnu illi l-ebda azzjoni ta’ moħqrija fuq l-annimali mhi aċċettabbli u għaldaqstant atti bħal dawn huma kundanabbli bla ebda riżervi. Filwaqt illi l-liġijiet ta’ pajjiżna diġà joffru l-protezzjoni u rimedji kontra atti ta’ moħqrija, il-Ministru Herrera u s-Segretarju Parlamentari Camilleri sostnew illi diġà beda l-proċess sabiex jiddaħlu regolamenti ġodda dwar l-użu tal-karozzini fl-ambitu tal-ħarsien xieraq tal-annimali.
Necropsy confirmed the combination of excessive heat, heavy loads & the steep route contributed to the death of the #karrozzin horse. #AnimalWelfare just issued a kwerela for mistreatment against the owner. Animal abuses will not be tolerated – CC @MaltaGov
— Clint Camilleri (@Clint_Camilleri) August 20, 2018
Lura fit-8 ta’ Awwissu żiemel waqa’ u miet f’inċident li seħħ fi Triq San Franġisk fil-Furjana.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa tal-Erbgħa warnofsinhar meta ż-żiemel kien qed jinstaq minn kuċċier, meta waqa’ minn tulu mal-art f’nofs ta’ triq u miet.
Fuq il-post issejħu l-Pulizija u membri tar-Rapid Intervention Unit flimkien ma’ uffiċjali mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali li bdew jinvestigaw il-każ b’mod immedjat.
It-triq għamlet kważi tliet sigħat magħluqa għat-traffiku sakemm intemmu l-investigazzjonijiet u l-karkassa taż-żiemel tneħħiet minn fuq il-post.