Kien ippreżentat ftehim ta’ €5,758 lis-Soċjetà Mużikali San Lawrenz fil-Birgu sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw parti mix-xogħol tagħhom ta’ manutenzjoni fil-każin.Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, li ppreżenta l-ftehim, saħaq li “huwa dmir tagħna li mhux biss infaħħru x-xogħol siewi li jagħmlu dawn l-għaqdiet volontarji iżda aħna rridu wkoll nagħtu appoġġ materjali. Huwa wkoll id-dmir tagħna bħala segretarjat responsabbli mill-għaqdiet volontarji li naraw li jkollkom ir-riżorsi strutturali sabiex tkunu tistgħu toperaw u tkomplu tagħmlu x-xogħol ta’ ġid maż-żġħażaġħ”.
Filwaqt li huwa apprezzat li hemm diversi linji ta’ finanzjament b’appoġġ għall-proġetti mwettqa minn organizzazzjonijiet volontarji, tibqa’ r-realtà li hemm sitwazzjonijiet eċċezzjonali fejn organizzazzjoni jista’ jkollha bżonn appoġġ li jirriżulta minn sitwazzjoni ta’ emerġenza.
Għal dan il-għan, il-Ministeru li qed jopera dan il-fond għan-nom tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-għaqdiet tal-volontarjat għandu fond ta’ kontinġenza li jintuża biss f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u sitwazzjonijiet eċċezzjonali li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien u f’sitwazzjonijiet li jistgħu jew iwaqqfu l-operazzjoni tal-organizzazzjoni volontarja li hija essenzjali għall-komunità, jew fejn voluntiera u benefiċjarji jistgħu jkunu f’riskju.
B’dawn il-fondi, is-Soċjetà Mużikali San Lawrenz se tagħmel xogħol fuq partijiet mill-każin skont it-talba li saret minn din l-għaqda, li jinkludi bini ta’ ċinta tal-bejt u tneħħija ta’ li hemm, bini ta’ opra morta fuq it-turretta, u xi restawr.
Is-Soċjetà Mużikali San Lawrenz hija organizzazzjoni volontarja rreġistrata li hija għaqda mużikali bbażata fil-Birgu. L-għan ta’ din l-għaqda volontarja, li ilha mwaqqfa mill-1883, hu li tkompli tkattar it-tagħlim tal-mużika u li tkun iċ-ċentru soċjali fil-Birgu.