Il-kriminalitá kulturali f’pajjiżna hi marbuta l-aktar ma’ serq ta’ oġġetti sagri mill-knejjes mifruxa fl-ibliet u l-irħula Matlin.
Serq li f’dawn l-aħħar snin ħafna minnu kien solvut b’suċċess mill-iskwadra tal-Kriminalitá Kulturali fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali.
S’issa l-akbar serqa kulturali f’pajjiżna tibqa’ l-pittura ta’ San Ġilormu tal-Caravaggio mill-Kon Katidral ta’ San Ġwann lejlet l-Ewwel tas-Sena tal-1984.
L-Ispettur Saviour Baldacchino li jmexxi l-iskwadra jgħid kif f’dawn l-aħħar snin is-serq mill-knejjes seħħ dejjem mill-istess tliet imħuħ.
Hu qal li “Il-motiv kien purament l-affarijiet kienu fid-dar tal-persuna u fi stat brillanti – it-tieni mottiv droga u t-tielet mottiv flus għax kellu jagħti ammont ta’ flus.”
L-Ispettur Baldacchino jispjega għaliex il-knejjes ikunu fil-mira ta’ dawn il-ħallelin.
Spjega li “Il-knejjes ġeneralment jiftħu kmieni filgħodu għall-ewwel quddiesa – u jagħmlu ħafna ħin miftuħin bi ftit nies li jmorru fihom u għalhekk target faċli anke għal fided u beni fil-knejjes li jkunu attraenti.”
Il-kriminalitá kulturali mhix marbuta biss ma’ knejjes, iżda anke ma’ kollezzjonijiet privati.
Ġa la darba xi artifatt ikun irrappurtat misruq, l-iskwadra tirrapporta minnufih l-INTERPOL, sabiex it-tfittxija tkun iżjed mifruxa.
L-Ispettur Baldacchino appella biex oġġetti ta’ arti jinxtraw minn ġo gallerija tal-arti għax din tkun għaddiet minn għarbiel.
Qal li “Xi tfajjel ta’ tmintax-il sena li jista’ jkun ġenwin ukoll jaf jipprova jbellalek artifatt. Meta wieħed ikollu suspett wieħed għandu jiċċekkja l-affarijiet sew jew ifittex l-assistenza tagħna.”
Din l-iskwadra taħdem ukoll id f’id ma’ istituzzjonijiet oħra Ewropej u mhux l-ewwel darba li kienet involuta f’operazzjonijiet u investigazzjonijiet Ewropej.