L-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali DBRS tat ċertifikat ieħor pożittiv lil pajjiżna. B’rating ta’ A high bi prospetti stabbli, l-ekonomisti tad-DBRS qalu li l-ekonomija Maltija għandha fost l-ogħla tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.
Fir-rapport tagħha, l-Aġenzija globali bbażati fil-Kanada magħrufa li ma tħares lejn wiċċ ħadd, qalet li filwaqt li bejn l-elfejn u erbgħa u l-elfejn u tnax it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta kien ftit aktar minn tnejn fil-mija, matul l-ewwel żewġ leġislaturi ta’ Gvern Laburista bejn l-elfejn u tlettax sas-sena li għaddiet, dan it-tkabbir tela’ għal ftit anqas minn sebgħa fil-mija.
Fl-aħħar evalwazzjoni tagħhom tal-ekonomija Maltija, l-ekonomisti tad-DBRS innutaw ukoll kif bi tlieta punt disgħa fil-mija Malta kisbet surplus ferm ogħla minn dak mistenni.
Dan riżultat ta’ spiża pubblika studjata bl-ikbar reqqa, tkabbir ekonomiku aħjar kif ukoll bl-introduzzjoni tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment li skont DBRS huwa programm b’saħħtu ħafna.Ir-rapport ta’ DBRS innota wkoll li skont il-Bank Dinji, pajjiżna hu fost l-aħjar fid-dinja fejn tidħol governanza.
DBRS laqgħet u rreferiet għall-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant, fejn irrimarkat li dawn juru kif f’pajjiżna ma hawnx prattiċi ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus jew tranżazzjonijiet ta’ flus suspettużi. Innutat ukoll kif il-Gvern qed jagħmel ħiltu biex ikompli jsaħħaħ l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Dwar il-bank Pilatus, ir-rapport ta’ DBRS jinnota li dan huwa bank żgħir li m’għandux implikazzjonijiet sistematiċi fuq is-sistema bankarja ta’ Malta.
Hawnekk, l-esperti nnutaw b’mod pożittiv l-inizjattivi tal-Gvern biex itejjeb ir-regolamenti finanzjarji f’pajjiżna u jżid ir-riżorsi tal-awtoritajiet kompetenti.
Bil-kontra għal dak li qed jipprova jpinġi l-Partit Nazzonalista, l-ekonomisti ta’ DBRS mhumhiex inkwetati dwar is-settur bankarju ta’ pajjiżna u fir-rapport tagħhom iddeskrivew il-banek Maltin bħala konservattivi u b’livelli ta’ profitabilità u ta’ likwidità tajbin ħafna.
Rigward il-prezzijiet tal-proprjetà, ir-rapport ta’ DBRS jgħid li m’hemmx perikli immedjati minħabba l-qagħda tajba finanzjarja tal-familji li jgħixu f’pajjiżna kif ukoll il-prattiċi prudenti tal-banek.
Fi stqarrija l-Gvern qal li quddiem dan iċ-ċertifikat pożittiv, ir-rieda tiegħu hija li jżid il-pass ta’ riformi ħalli l-qagħda ekonomika u soċjali ta’ pajjiżna tkompli tissaħħaħ fiż-żmien li ġej.
F’intervista rrekordjata li se tixxandar il-Ħadd fuq ONE Radio, il-Prim Ministru Joseph Muscat irreaġixxa b’sodisfazzjon għal dan iċ-ċertifikat pożittiv.
Il-Prim Ministru qal li “Turi mill-ġdid kemm il-mod ta’ kif qed titmexxa l-ekonomija, il-mod ta’ kif qed naħdmu dejjem għal aktar investiment u noħolqu aktar xogħol qed iwassal għal dawn ir-riżultati u meta jkollok rating tant għoli huwa li żżomm dak ir-rating biex iħarsu lejk bħala pajjiż stabbli minn nies li m’għandhom lil ħadd iħarsu lejn l-affarijiet bl-iktar mod oġġettiv u aħna grati ħafna u kuntenti ħafna b’dan kollu.”