Dan x’ġara fil-Partit Nazzjonalista, kulħadd jgħid li jridu joqtluh? Simon ħareġ inewwaħ għax qabżuhielu meta ġabu li kienu difnuh. Għall-inqas kien hemm waħda tibkih. Aħjar mix-xejn. Jien qrajt partita kummenti, u naċċertakom li kienu agħar minn dik il-karikatura. Inklużi dawk li dehru fuq it-Times of Malta online. Għaddewh fil-maġġoranza siegħa …U oħroġ il-għaġeb li ħareġ jiftaħar kemm bagħtulu messaġġi ta’ solidarjetà! La kuntent hu, kuntent kulħadd.
Issa ħareġ Casa. Jien ngħid bħal ma jghid il-Malti : “Min imexxi kontra pajjiżu, biex mingħalih ikun minn fuq hu, ħaqqu l-forka.” U daqstant ieħor ħaqqu l-forka, min jgħawweġ it-tifsira tal-Malti, ħalli tiġi ddoqq kif jaħseb li taqbel lilu.Il-forka ma kinitx omiċidju li jagħmlu n-nies! Kienet is-sistema li writna mill-Ingliżi fl-aħħar żmienijiet kif issir, u l-piena tal-forka kienet tfisser li dak il-bniedem għamel l-aktar delitt faħxi li hawn taħt ix-xemx. Fl-imgħoddi u fi żmien il-Kavallieri l-piena tal-forka kienet tingħata anke għal serq bil-vjolenza.
L-aħħar żewġ okkażjonijiet li kien hemm tal-forka kienet tal-aħwa Zammit, u dawn fuq omiċidju. Kien hemm ukoll forka oħra li ngħatat ghax Carmelo Borg Pisani kien meqjus li ttradixxa lil Malta mat-Taljani fi żmien ta’ gwerra.
Kien hemm sentenzi oħrajn ta’ piena tal-forka, imma wara l-1943 dejjem inbidlu. Kien imbagħad Gvern Laburista fl-1972 kien nehħħa l-piena tal-forka. Illum il-Papa Franġisku ddekreta wkoll li l-piena tal-forka hija mmorali, minkejja li dejjem kien hemm oppożizzjoni tal-isqfijiet Amerikani li xtaqu li kollox jibqa’ la ‘l hawn u l-anqas ‘l hemm.
Imma għalkemm Gvern Laburista neħħa l-forka mil-liġi, ma setax ineħħiha minn ilsien il-Malti. U trid ma tkunx tiswa Karlin (espressjoni oħra ġejja minn aktar qedem) daqs Casa biex tgħid li dak il-kliem ifisser li jridu jagħmlu omiċidju fuqu.
Il-forka piena ħarxa, u n-nies hekk jifhmuha. Imma tingħata mhux għax xi ħadd dejjaq li xi ħadd, imma għax ikun hemm provi kontra dak li għandu jiġi kkundannat. Il-kundanna jeħodha mill-qrati wara li jkun ukoll iddefenda lilu nnifu.
Issa David Casa pprova jdawwar it-tifsira biex forsi jagħmel ħoss. Meta persuna fil-politika tagħmel hekk, ħaqqha l-forka wkoll politikament.