Żagħżugħ mill-Burkina Faso inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti li fis-sagħtejn ta’ dalgħodu gidem surġent tal-pulizija u darab kuntistabbli ieħor.
Kevin Yanick Malthide 22 sena jgħix f’Dar Papa Franġisku u ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.
Huwa ġie mixli wkoll li ma obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, fosthom tas-Surġent Alexander Gauci, li għandu minn tal-inqas sitt xhur biex ikun jaf li m’hemm ebda theddida fuq saħħtu wara l-feriti li ġarrab.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat kemm għal gravità tal-każ iżda anki għall-fatt li tlett ijiem ilu huwa nstab ħati li ħebb għas-sieħba tiegħu u ngħata l-libertà kundizzjonata għal tmintax-il xahar.
Il-prosekuzzjoni żiedet tgħid li waħda mill-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti tlett ijiem ilu hi li ma kellux jersaq lejn post li fih instab l-Afrikan.
Wara li sema’ ż-żewġ partijiet, il-Maġistrat Aaron Bugeja ma laqax it-talba tad-difiża u ordna li l-akkużat jibqa’ jinżamm arrestat.
Dan għamlu anki peress li l-akkużat m’għandux irbit f’Malta u hemm ċans li jitlaq mill-pajjiż.
Iktar kmieni
Surġent tal-Pulizija ngidem minn raġel minn Burkina Faso fl-Afrika waqt li kien fuq xogħol ilbieraħ. L-allegat aggressur ġie arrestat mill-Pulizija, u jidher li fil-jiem li għaddew tressaw il-Qorti b’akkużi ta’ vjolenza domestika u ngħata libertà kkundizzjonata għal sentejn.
Is-Surġent Alexander Gauci ttieħed l-Isptar minnufih għal xi testijiet mediċi, fejn irriżulta li għandu minn tal-inqas sitt xhur biex ikun jaf li m’hemm ebda theddida fuq saħħtu.
Intant, l-aggressur għadu qed jinżamm arrestat mill-Pulizija.