Turist Ġermaniż ta’ 68 sena tilef ħajtu traġikament waqt li kien qiegħed jgħum barra mill-għar tad-Dwejra f’Għawdex.
Il-Pulizija qalet li r-raġel għereq wara li sab ruħu f’diffikultà għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar. Jidher li kien iben il-mejjet li sejjaħ għall-għajnuna wara li ntebaħ li missieru baqa’ ma telax l-art wara li kien ilu siegħa u nofs fil-baħar.Fil-fatt kien it-tifel tal-vittma stess li identifika lil missieru mejjet wara li ħareġ ifittxu fuq dgħajsa ta’ sid ta’ kumpanija tal-għaddass li topera mid-Dwejra.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku biex jassisti lill-vittma madankollu huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.
Din kienet it-tieni mewta fl-ibħra Maltin f’anqas minn erbgħa u għoxrin siegħa wara li lbieraħ ġuvni Olandiż ta’ dsatax-il sena nqatel b’daqqa ta’ jet ski fil-bajja ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan misjuq minn ġuvni ieħor Olandiż ta’ dsatax-il sena wkoll.