Il-Pulizija rnexxielha ssolvi l-qtil tan-negozjant tal-laħam Ronald Galea, li seħħ fi Frar ta’ ħames snin ilu.
Galea ta’ 65 sena minn Birkarkara, inqatel fit-18 ta’ Frar tas-sena 2013 permezz ta’ tiri sparati lejh meta kien ħiereġ mill-fabbrika tiegħu tal-laħam fiż-żona industrijali f’Ħal Far.
Għalkemm il-Pulizija waslet għall-qattiel ta’ Galea u għandha biżżejjed provi kontrih, ma tistax tressqu l-Qorti għax inzerta li s-suspettat ewlieni nqatel ukoll f’omiċidju separat li seħħ xhur wara l-qtil tan-negozjant li kien instab mixħut fl-art f’għadira demm.
Żvela dan il-Kap tal-Iskwadra tal-Omiċidji l-Ispettur Keith Arnaud waqt il-Programm COVERAGE li se jixxandar llejla fid-20:40.
L-Ispettur spjega li “Kellna każ partikolari fi Frar 2013, fejn persuna, Ronald Galea, nqatel meta ħareġ mix-xogħol tiegħu. Il-Pulizija waslet għall-każ sentejn wara, imma nzerta li l-persuna li kienet se titressaq il-Qorti ġiet maqtula wkoll sentejn wara dan il-qtil, u għalhekk ma stajniex inressquh il-Qorti”
L-Ispettur Arnaud spjega kif bl-eżitu ta’ din l-investigazzjoni, ġew infurmati wkoll il-qraba tal-vittma.
Dan il-qtil seħħ meta f’pajjiżna kien hawn sensiela ta’ omiċidji wieħed wara l-ieħor, u li wħud minnhom għadhom mhux solvuti. Madankollu, il-pulizija għadha qed tinvestigahom bħal kull każ ieħor li sar fil-passat.
Huwa qal li “każ ma jintesa qatt iżda jibqa’ miftuħ. Jekk ikun qed jiġi investigat u ma naslu mkien, ma jfissirx li mhux se jissolva. Kellna każijiet li ssolvew wara diversi snin u r- raġuni kienu diversi.”
Intant, fil-programm intqal kif mill-1970 sa issa, saru 237 omiċidju li 172 minnhom ġew solvuti, filwaqt li 65 għadhom qegħdin jiġu investigati.
Mistoqsi dwar ir-rata tal-omiċidji f’pajjiżna, l-Ispettur Arnaud qal li trid issir differenza bejn omiċidju u ieħor:
Sostna li “Wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn każ u ieħor, u jekk tidħol fid-dettall tal-istatistika wieħed jinduna li mhux daqshekk allarmanti anke meta jara l-figuri tal-aħħar snin.”
Spjega li mingħajr ma’ wieħed inaqqas mill-mertu ta’ kull qtil, trid issir differenza bejn ġlieda għall-għarrieda jew argument u sensiela ta’ omiċidji li warajhom ikun hemm ċrieki kriminali.