Meta Simon Busuttil kien il-kap tal-Malta-EU Information Centre (MIC), daħħal miegħu 17-il persuna ta’ fiduċja tiegħu barra miċ-ċivil.
Din l-informazzjoni ħarġet minn mistoqsija parlamentari tad-Deputat Laburista Silvio Schembri lill-Ministru Helena Dalli.
Minn dawk magħżula minn Busuttil għal diversi karigi fl-MIC, Edward Demicoli u Fabio Pirotta eventwalment spiċċaw jaħdmu anke bħala persons of trust fis-segretarjat privat tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin.
Bejn l-2003 u l-2005, Demicoli ħadem bħala persuna ta’ fiduċja fl-irwol ta’ koordinatur tal-kommunikazzjoni fis-Segretarjat imsemmi. Kien ukoll kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2009. Dan filwaqt li Pirotta ħadem bħala person of trust fl-istess Segretarjat bejn l-2003 u l-2004. Imbagħad ħadem fl-Ambaxxata Maltija fl-Irlanda bejn l-2004 u l-2005.
Mill-informazzjoni mogħtija fil-Parlament ħareġ li żewġ persuni oħra komplew fl-istess irwol ta’ persons of trust, din id-darba ma’ Busuttil u David Casa, meta saru membri parlamentari Ewropej. Dawn kienu Elaine Cordina u Matthew Saliba.
Bejn l-1999 u l-2003, Busuttil tħallas kwart ta’ miljun ewro biex imexxi l-MIC. Il-paga li rċieva fl-1999 kienet ta’ €40,800. Dan filwaqt li l-paga tal-Kap taċ-Ċivil kienet €22,500. Il-paga ta’ Busuttil bħala person of trust kienet id-doppju tal-Kap taċ-Ċivil ta’ dak iż-żmien, u seba darbiet ogħla mill-paga minima f’dak iż-żmien.