Il-ktieb taż-żagħżugħ Malti Jacob Cachia wasal għand ir-Reġina f’Buckingham Palace.
F’ittra mibgħuta proprju lill-familja ta’ Jacob, l-Assistent Segretarju Privat tar-Reġina Eliżabetta, spjega kif hu ġie mitlub biex jirringrazzjahom tal-kopja tal-ktieb ta’ Jacob “Jacob: My Titanium Man”.
Fl-ittra spjega kif ir-Reġina tinsab kuntenta bl-aħbar dwar l-għajnuna li jagħtu lill-komunità f’Malta permezz tal-ħanut tal-kafè, Jacob’s Brew.
Jacob Cachia għamel snin twal jissielet mat-tbatijiet tal-ħajja minħabba li għadda minn għadd ta’ operazzjonijiet li sarulu f’rasu kawża ta’ infezzjoni fil-moħħ. Iżda bid-determinazzjoni tiegħu u tal-ġenituri tiegħu, illum qiegħed jgħix il-ħolma ta’ ħajtu.
Biex ma jiddependix mill-karità tan-nies, Jacob ġietu l-idea li jiftaħ ħanut li jitmexxa minnu stess, u parti mill-qligħ imur għal għaqda li nieda hu stess bl-isem ta’ Survivors Malta.
Hu kien sostna kif “Kull min jiġi bħala klijent tagħna naqbdu l-irċevuta u nistampawha bil-logo tal-ħanut, u l-klijent jista’ jagħti l-irċevuta lil xi ħadd li jaf li għadda minn żmien diffiċili, u l-persuna jkun jista’ jiġi hawnhekk u jingħata free pot of tea jew coffee u kif ukoll appoġġ.”