Il-Ħadd li ġej mistenni jkun l-aktar jum bieżel għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għal din is-sena; b’mija u tmenin tlugħ u nżul ta’ ajruplan li se jwasslu lil madwar tmienja u għoxrin elf passiġġier lejn id-destinazzjoni tagħhom.
Awwissu huwa fost l-iktar xhur popolari għall-vjaġġi bil-familja, u l-indikazzjonijiet juru li sa tmiem ix-xahar, aktar minn sitta u tletin elf tifel u tifla se jgħaddu mit-terminal.
Bil-għan li l-proċess ta’ qabel wieħed isiefer ikun kemm jista’ jkun effiċjenti, l-Ajruport Malti appella biex il-vjaġġaturi jkunu nfurmati dwar il-proċessi differenti tal-ajruport, speċjalment fejn tidħol is-sigurtà.
Dan billi fost l-oħrajn ma jintlibsux aċċessorji u żraben b’bokkli u lazzijiet. Appell ukoll biex apparat teknoloġiku fil-hand luggage jinħareġ qabel ma passiġġier jasal fiż-żona tas-sigurtà.
Ma’ ONE News Patricia Attard Darmanin wieġbet waħda mill-aktar mistoqsijiet komuni tan-nies: jekk jistgħux itellgħu likwidi fil-hand luggage.
Huwa possibbli li ttella’ likwidi fil-hand luggage sakemm dawn ikunu mhux iktar minn 10 kontenituri ta’ mitt millilitru ’l wieħed u jkunu qegħdin ippakjati f’basket.
Il-ħidma tal-Ajruport fl-aktar xahar bieżel tas-sena tmur id f’id mar-riżultati pożittivi li kiseb l-Ajruport fl-aħħar xhur, u mat-tbassir li l-istess Ajruport għandu; li sal-aħħar tas-sena jilqa’ sitt miljuni u tmien mitt elf passiġġier.
Jekk dan iseħħ, tkun it-tmien sena konsekuttiva ta’ rekord għall-ajruport.
Dan in-numru mhuwhiex biss riżultat tal-iżviluppi li kien hemm matul is-Sajf imma wkoll tal-isforzi min-naħa tagħna tal-Ajruport, tal-MTA u tal-Ministeru tat-Turiżmu li flimkien naħdmu biex rotot li kienu joperaw fis-Sajf ikunu estiżi wkoll fix-Xitwa.