Missier u iben li fl-2013 intbagħtu sitt xhur ħabs talli ħebbu għal uffiċċjal tal-Pulizija issa ingħataw multa wara li tqajmu dubji dwar il-każ.
Raymond Cutajar ta’ 60 sena u ibnu George ta’ 30 sena kienu nstabu ħatja li kkawżaw ġrieħi ħfief fuq l-uffiċċjal, li ddisturbaw il-paċi pubblika u li kienu reċedivi wara li nqala argument dwar sit fejn kienu jarmaw il-kjosk tagħhom. Huma kienu ramaw dan barra ħanut minkejja li s-sidien kienu ilmentaw li dan kien qed ifixklilhom xogħolhom.
L-uffiċċjal tal-Pulizija Raymond Debono, li mar jiġbor lil martu li taħdem f’dan l-istess ħanut, ġie aggredit mis-sidien tan-negozju u sofra xi ġrieħi . Debono saħaq fil-Qorti li malli wasal l-argument kien diġa avvanza, u meta qal li huwa Pulizija gie aggredit.
Raymond Cutajar spjega kif waqt l-argument ibnu twaddab mal-art u dan intervjena biex jiddefendih ftit qabel ma wasslu l-Pulizija fuq il-post. Huwa qal li Debono ma qalx x’kienet il-professjoni tiegħu.
Il-Qorti għalhekk tenniet li ma temminx il-verżjoni ta Debono għaliex innutat li dan ammetta li jista’ jkun li dawk involuti fl-argument ma semawhx jgħid li huwa pulizija. B’hekk Cutajar u ibnu m’humiex ħatja li kkawżawlu ġrieħi, izda ħatja biss li ddisturbaw il-paċi. B’hekk ngħataw multa ta’ €55.