Bejn l-aħħar ta’ Awwissu u l-bidu ta’ Settembru se jsiru numru ta’ attivitajiet fl-Imġarr, Għawdex, fosthom il-Karnival tas-Sajf ta’ Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, qalet kif il-Ministeru qed jinvesti bis-sħiħ biex Għawdex ikun destinazzjoni distinta u attraenti. Għalhekk il-programm ta’ attivitajiet fil-Port tal-Imġarr, l-ewwel post li jirfsu dawk kollha li jżuru lill-gżira Għawdxija, se jingħata l-importanza li tixraqlu u dan wara li saru diskusjonijiet mal-komunità kummerċjali f’dan il-post.
Il-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-Arts Council Malta, ħejja programm interessanti ta’ attivitajiet li jvarjaw minn mużika rock għal jazz kif ukoll għall-ewwel darba ser jigi organizzat il-Karnival tas-Sajf f’Għawdex.
Iċ-Chairman tal-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali f’Għawdex, Mons. Dr Joe Vella Gauci, qal li l-Karnival tas-Sajf f’Għawdex ser ikun ċelebrazjoni ta’ festa interkulturali u dan peressli l-parteċipanti ser ikunu kemm għaqdiet karnivaleski Għawdxin kif ukoll Maltin. B’kollox ser jipparteċipaw xejn inqas minn 10 karrijiet trinjonfali, 6 kumpaniji taż-żfin u 3 baned lokali fost għadd ta’ elementi oħra. Il-Karnival ta-Sajf f’Għawdex ser isir is-Sibt, l-1 ta’ Settembru.
Id-Direttur ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala qalet kif bil-kollaborazjoni tal-Malta International Arts Festival, ser tittella’ wirja fotografika mill-artist Reza, fotografu rinomat tan-National Geographic li se jwassal wirja bl-isem Exiled Voices. Din il-wirja, li tinsab fil-bitħa ewlenija tal-Ministeru għal Għawdex tirtatta l-esperjenzi u d-diffikultajiet li jgħaddu minnhom l-imigranti illegali. Għal din il-wirja qed jikkontribwixxu l-fotgrafi Maltin Darren Zammit Lupi u Charles Mifsud u ser tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 2 ta’ Settembru.
Stivala tat ħarsa ukoll lejn żewġ avvenimenti oħra li ser isiru fil-port tal-Imġarr nhar il-Ħamis 30 u l-Ġimgħa 31 t’Awwissu. Rock Legends hu kunċert ta’ mużika rock li ser isir il-Ħamis, 30 t’ Awwissu. F’dan il-kunċert, ser jipparteċipaw numru ta’ artisit lokali li ser iwaslu repertorju ta’ mużika rock klassika. Il-Ġimgħa, 31 t’ Awwissu ser issir il-ħames edizzjoni tal-‘Jazz Do’ bil-parteċipazjoni ta’ Charles City Gatt, George Curmi ‘Il-Pusè’ u artisti internazjonali oħra.