F’awla ħamsa u għoxrin tal-Qrati ta’ Malta, quddiem il-Maġistrat Monica Vella, kompla jinstemá l-każ fil-konfront ta’ Kevin Micallef, li jinsab mixli li nhar it-tlieta u għoxrin ta’ Lulju li għadda qatel lil ommu u lil zitu fil-Għargħur.
Fost ix-xhieda spikkat dik tal-ewwel uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit li waslu fuq il-post, li stqarru li fetħilhom il-bieb tar-residenza l-imputat u mmedjatament ta ruħu b’idejh.
F’Awla 25 tal-Qrati ta’ Malta, quddiem il-Maġistrat Monica Vella, kompla jinstemá l-każ fil-konfront ta’ Kevin Micallef – ir-raġel ta’ 42 sena li jinsab mixli li fit-23 ta’ Lulju li għadda qatel lil ommu u lil zitu fil-Għargħur.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Kurt Zahra u Elton Taliana ressqet quddiem il-Qorti għadd ta’ xhieda li huma kollha membri tal-Korp tal-Pulizija u li kienu nvoluti b’mod dirett fix-xena tar-reat.
Xhieda li spikkat kienet dik ta’ żewġ uffiċjali stazzjonati r-Rapid Intervention Unit.
L-ewwel ma’ xehed kien l-uffiċjal Antoine Agius, li stqarr li kmieni filgħodu daħlet sejħa fuq ir-radju tas-servizz tgħid li ċempel raġel jgħid li kien għadu kemm qatel lil ommu u lil zitu fil-Għargħur.
Stqarr li hu u l-kollega tiegħu marru mill-ewwel fuq il-post, fejn flimkien ma’ xi Pulizija oħra mill-istess skwadra, ħabbtu l-bieb tar-residenza u ġie jiftħilhom l-imputat nnifsu.
Agius stqarr li seta jinnota li l-imputat kellu diversi tiċpis tad-demm fuq il-ħwejjeġ u fuq ġismu. Żied jgħid li filwaqt li hu u xi kollegi tiegħu arrestaw lill-imputat, kollega ieħor daħal ġewwa u beda jitlob l-għajnuna medika minħabba dak li sab quddiem wiċċu – lill-omm u lil zit l-akkużat feruti gravi.
Xehed ukoll l-uffiċjal Ryan Camilleri, li qasam l-istess dettalji bħall-kollega tiegħu.
Xehed ukoll Brent Zammit – Surġent stazzjonat CID. Hu stqarr li dakinhar tad-delitt għamel tfittxija flimkien ma xi Pulizija oħrajn fil-presenza ta’ Micallef.
Żammit spjega li t-tfittxijiet saru fid-dar fejn ġew elevati xi mobile phones u xi mediċini. Saret tfittxija wkoll f’żewġ vetturi li huma tal-imputat ukoll.
L-ispettur Kurt Zahra talab lill-Qorti biex jinħatar espert tal-Qorti biex jieħu l-impronti diġitali tal-imputat Kevin Micallef u jiġu mqabbla ma’ dawk li ġew elevati minn fuq il-post tal-inċident.
Talba li ġiet milqugħa mill-Qorti u mid-difiża, bl-espert Joseph Mallia jieħu dan il-karigu.
Id-difiża mmexxija minn Dr. Francios Dalli, ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, bl-imputat jibqá miżmum taħt arrest. Is-smiegħ ikompli nhar is-26 ta’ Settembru.