Stevan Karanovic, raġel Serb ta’ 57 sena residenti r-Rabat ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li s-Sibt li għadda allegatament kixef il-parti tiegħu quddiem żewġt ibniet f’supermarket f’Ħal-Qormi. Waqt tfittxija li saret fl-appartament tiegħu, instabu wkoll ritratti u filmati ta’ pornografija tat-tfal.
Karanovic, li fil-passat ħadem fil-pornografija, ġie arrestat fuq akkużi ta’ produzzjoni, akkwist u ċirkulazzjoni ta’ materjal indiċenti li jinvolvi l-minuri, kif ukoll talli kien imlibbes indiċenti fil-pubbliku.
Fix-xhieda taghha, l-ispettur tal-prosekuzzjoni Roxanne Tabone spjegat kif l-għada li seħħ il-każ, iż-żewġt ibniet li huma kuġini kellmu lill-pulizija fil-presenza tal-ġenituri tagħhom, fejn spjegaw li stranġier kixef il-parti tiegħu waqt li kienu qed jixtru, filwaqt li x’ħin ħarsu lejħ il-ġenituri, dan kien pront għatta kollox b’basket. Allegatament, il-persuna kompla jagħmel dan il-ġest indiċenti kull darba li it-tfal ħarsu fid-direzzjoni tiegħu.
L-ispettur Tabone kompliet tispjega kif meta ġie mistoqsi għala għamel dan quddiem it-tfal imma mhux quddiem il-ġenituri, hu qal li din kienet xi ħaġa li ma setax jispjega.
L-akkużat m’ammetix l-akkużi miġjuba kontrih u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, hekk kif ma kellu l-ebda rbit ma’ Malta u kien biddel l-indirizz tad-dar diversi drabi. Barra minn hekk, fil-pussess tiegħu instab ukoll biljett tal-ajru ‘one way’ lejn il-Kroazja.