Il-Eurovision Song Contest jinsab f’xifer li ma jiġix organizzat fl-Iżrael.
Dan minkejja li dan il-pajjiż rebaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena permezz tal-kanzunetta Toy interpretata minn Netta.
Iċ-chairman tal-istazzjon nazzjonali tal-Iżrael Gil Omer bagħat l-aħħar ittra lil Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu fejn appellalu li jekk sal-jum tat-Tlieta ma jirċieviex t-tnax-il miljun ewro li hemm bżonn jiġu depożitati bħala garanzija mill-organizzaturi, l-Iżrael se jibqa’ mingħajr Eurovision.
L-aħħar ġimgħat kienu kkaratterizzati minn logħob tal-ħmar iwaħħal f’denbu, fejn il-Gvern Iżraeljan qed jgħid li l-istazzjon għandu joħroġ il-flus hu u allura jkollu jiddejjen.
Minkejja dan l-istazzjon televiżiv qed jgħid li f’kull edizzjoni, il-Gvern tal-pajjiż li jilqa’ l-Eurovision, jgħin bi sħiħ.
Qed ikun stmat li l-Eurovision 2019 f’Iżrael jista’ jiġi jiswa sa ħamsa u tletin miljun ewro.
Bl-affarijiet qed jikkumplikaw ruħhom, fosthom għad mhux magħruf jekk Tel Aviv hiex l-għażla definittiva biex isir il-Eurovision, il-European Broadcasting Union (EBU) tista’ tesplora pajjiżi oħra fejn jista’ jsir il-Eurovision.
Fost il-pajjiżi li qed jissemmew hemm Ċipru li jkun qed jilqa’ dan il-festival tant popolari għall-ewwel darba.
Din is-sena Ċipru spiċċaw fit-tieni post.
Madankollu sa issa l-ballun għadu f’saqajn l-Iżrael.