Il-Ministru Taljan Danilo Toninelli saħaq li l-immigranti abbord il-bastiment Aquarius għandhom jittieħdu mir-Renju Unit.
Dan għaliex il-bastiment li għandu mija wieħed u erbgħin immigrant itajjar il-bandiera ta’ Ġibiltà, territorju tal-Gvern Ingliż.
L-immigranti ġew salvati nhar il-Ġimgħa minn ħaddiema umanitarji Franċiżi.Sa minn dakinhar, l-Italja rrifjutat li tħalli l-bastiment jidħol f’wieħed mill-portijiet tagħha, hekk kif l-Aquarius li diġa kien fl-aħbarijiet għadu jbaħħar fil-Mediterran.
Xahrejn ilu, l-Aquarius tella’ abbord sitta mija u disgħa u għoxrin immigrant, fosthom tfal u nisa li qed jistennew tarbija, ftit ‘il bogħod mill-kosta tal-Libja.
L-operazzjoni ta’ salvataġġ saret fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ fil-Libja u ġiet ikkordinata miċ-ċentru ta’ salvataġġ f’Ruma fejn f’dan il-każ iċ-ċentru ta’ salvataġġ ta’ Malta la kien l-awtorità kompetenti u lanqas dik ta’ koordinazzjoni.
Minkejja dan id-Deputat Prim Ministru Taljan Matteo Salvini, li huwa wkoll il-mexxej tal-partit tal-lemin estrem tal-Lega Nord baqa’ jinsisti li l-immigranti għandhom jidħlu f’Malta u wara nuqqas ta’ qbil, il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez ħabbar li Spanja se tilqa’ l-vapur Aquarius.