Fil-11 ta’ Awwissu miet Sir VS Naipaul. Kellu 85 sena. Forsi hawn min qed jistaqsini, min hu? Darba ġie f’idejja l-ktieb “The Mimic Men”. Interessani l-ktieb u interessani l-awtur.
Bla dubju, Sir Naipaul kellu pinna tal-għaġeb. Għalkemm inwieled fil-Karibew f’Awwissu 1932, il-kelma Ingliża kien jaf jilgħab biha sew. F’pajjiżu mar jistudja fi Queen’s Royal College. Imabgaħd kompla jistudja l-Università ta’ Oxford.
In-narattiva kien jaf jibniha sew fuq l-ironija, it-traġedji u s-sofferenzi li jgħaddi minnhom il-bniedem. Kien kittieb intelletwali. Dwar dan hemm qbil tista’ tgħid minn kulħadd. Mill-bqija, Sir Naipaul kien bniedem li biċċa kontrovesja kien jiekolha bħall-ħobż. Dak li kien iħoss, kien jgħidlu. Għalih, political correctness kien iqisha bħala djufija – mhux ħobż għal snienu.
Niftakar fl-2011, f’intervista mar-Rotal Geographic Society, Sir Naipaul kien rapurtat li qal li ebda kittieba mara mhi tal-livel tiegħu!
F’ The Guardian minnufih wieġbitu l-ktritiku tal-letteratura Helen Brown li ddeskriviet lil Sir Naipaul bħala “arroganti, wieħed li dejjem ifittex l-attenzjoni.” Brown issuġeriet lil Sir Naupaul biex jixtarr il-kliem ta’ George Eliot – dan kien il-psewdonimu li l-kittieba Ingliża Mary Anne Evans kienet tuża – li x-xogħlijiet tagħha (fosthom “Silas Marner”) ħalla impatt fuq id-dinja tal-kultura ħafna aktar mix-xogħlijiet ta’ Sir Naipaul.
Helen Brown naħseb li kienet laqtet il-musmar fuq rasu meta iddeskribiet lil Sir Naipaul bħala wieħed li ħsiebu “jfittex l-attenzjoni”. U forsi għahekk, kien jgħid dak li jgħid bla ebda konsiderazzjoni jekk hux qed joffendi lil xi ħadd. Ngħidu aħna, darba qal li “mhemmx imperjaliżmu akbar minn dak tal-Islam u l-Għarab”. Imma kif jammetti fl-awtobijografija tiegħu, huwa kellu ambizzjoni waħda: li jkun l-aktar awtur magħruf! U ejjew nammettu li biex tkun magħruf trid tgħid affarijiet kontroversjali biex il-midja tatik l-attenzjoni.
Fl-2011, hu ingħata il-Premju Nobel għal-Letteratura. Il-kumitat li għażlu ġġustifika l-għażla billi iddeskriva lil Naipaul “bħala filosofu modern li xettel ħsibietu sa mill-ewwel kitbiet tiegħu fejn wera kapaċità jippreżenta r-rabja tan-nies permezz tal-ironija.”
Fid-diskors tiegħu, Sir Naipaul qal li ħsiebietu jinstabu kollha fil-kotba li hu kiteb. U naħseb li hekk hu, speċjalment jekk wieħed jaqra “The Mimic Men” li ġie ppubblikat fl-1967. Hawnhekk, il-protagonist hu Ralph Singh. Dan ikun wieħed li għandu parantela Indjana, imwieled fuq gżira fil-Karibew u ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Ingilterra. Hu jmur jgħix Londra u jħossu eżiljat kulturalment. Singh jiddeċiedi li jikteb il-memorji tiegħu sabiex jipprova jsib ordni fl-eżistenza kaotika li hemm f’moħħu. B’hekk Singh jispera li jsib l-għerq tad-diżiluużjoni li qed iħoss.
Il-ħajja ta’ Ralph Singh iġġibni wiċċ’imb wiċċ mar-realtà li qed ngħixu fiha llum f’pajjiżna u l-ħtieġa li nemmnu fid-diversità kulturali billi nintegraw lil kulħadd. Nara li hawn hafna nies mhux Maltin fostna li jixbħu lil Ralph Singh. X’irridu minnhom: inkomplu niżolawhom jew nintegrawhom u aħna nsiru aktar għonja billi nirrespettaw u nitgħallmu mill-kultura tagħhom? Għax kif kien jgħid il-filosfu Brażiljan Paulo Freire, m’hawn ebda adult li ma jġorrx miegħu bagalja ta’ għerf.