Mara ta’ 41 sena minn Ħal Luqa ngħatat sentejn priġunerija wara li tressqet il-Qorti akkużata li serqet ġojjellerija li tammonta għal ħamest elef ewro, minn żewġt iħwienet differenti.
Il-Qorti rat li mill-fedina penali jidher li l-imputata, Alexia Margo Calleja, mhux l-ewwel darba li ngħatat ċans biex tibdel it-triq li qabdet. L-Avukat Difensur qal li l-imputata għandha bżonn l-għajnuna.
Il-Qorti spjega kif l-imputata trid tifhem li trid tgħin ruħha biex Alla jgħinha u ma tistax tippretendi li l-Qorti tagħlaq għajnejha għal dan il-fatt. Spjegat li jekk trid l-għajnuna trid tkun hi l-ewwel waħda li xxammar il-kmiem u tmidd idejha għax-xogħol iebes tar-rijabilitazzjoni.
Mill-banda l-oħra il-Qorti spjegat kif trid iżżomm quddiem għajnejha mhux biss id-drittijiet tal-imputata, iżda wkoll id-drittijiet tal-vittma li hi għazlet minn jeddha li tisraq. Il-Qorti argumentat li sabiex issolvi l-problemi finanzjarji tagħha, l-imputata ma għandhiex dritt li tirrikorri għas-serq t’oggetti ta’ ħaddiehor hekk kif hemm ħafna mezzi onesti li permezz tagħhom persuna tkun tista’ ġġib il-flus.
Il-Qorti sostniet li l-fatt li l-imputata għandha problema tad-droga ma huwa ta’ ebda ġustifikazzjoni għaliha li tmur tisraq lin-nies bil-vizzju tad-droga ssolvih billi tagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni u timpenja ruħha bis-serjetà li tibqa’ ssegwih u wara li tlestih b’suċċess tibqa’ soda sabiex tinfatam darba għaldejjem minn dan il-vizzju u mhux billi tmur tisraq lil ħaddieħor.
Il-Qorti għalhekk rat li jekk l-imputata fl-istat attwali ta’ ħajjitha mhux ser tkun imġegħla toqgħod kemm jista’ jkun il-bogħod mid-droga u jekk mhux ser tkun kostretta li toqgħod għal xi forma ta’ trattament biex tigi mgħejjuna tegħleb dan il-vizzju, hemm ċans tajjeb li l-imputata tibqa’ fejn hi illum – ħaga li la hija ta’ ġid għaliha u wisq anqas għas-soċjetà.
Il- Qorti għalhekk ordnat piena ta’ priġunerija effettiva b’ordni ta’ trattament biex l-imputata tiġi mgħejjuna kemm jista’ jkun tegħleb il-vizzju tal-abbuż mid-droga.