Spezzjoni li seħħet aktar kmieni dalgħodu f’razzett f’Ħal-Qormi waslet sabiex jiġi innutat li flok razzett, dan il-post kien qed jospita numru ta’ immigranti f’diversi kmamar u dormitorju.
L-Awtorita tal-Ippjanar minnufih ħarġet ordni ta’ infurzar sabiex jiġi mwaqqaf dan il-bdil fl-użu fejn saħansitra waqfet ukoll il-provista t’elettriku.
Spezzjoni f’razzett mill-Uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar kmieni t-Tnejn filgħodu wasslet għal sejba ta’ numru ta’ immigranti li kienu qed jgħixu hemm. One News tkellem ma’ Charles Gafa, l-uffiċjal prinċipali għall-infurzar, li spjega kif l-Awtorita ħarġet azzjoni ta’ infurzar kontra dan il-bdil fl-użu.
Sorsi fuq il post spjegaw ma’ One News li l-persuna responsabli minn dan, li joqgħod biswit ir-razzett, kien qed jieħu €200 għal kull kamra fix-xahar mill-immigranti, bil-qligħ ikun ta’ madwar €10,000 fix-xahar. F’dan ir-razzett hemm tmienja u għoxrin kamra u dormitorju fejn huwa stmat li kienu jgħixu mal-mitt immigrant.
Is-Sur Gafa kompla jispjega kif l-immigranti kollha għandhom permess Taljan ta’ residenza u instabu joqgħodu f’kundizzjonijiet miżeri ħafna hekk kif il-post ma kienx maħsub għal dan l-użu. Barra minn hekk, fuq il-post issejħu ħaddiema tal-Enemalta sabiex iwaqqfu s-servizz tal-elettriku.
Fid-dormitorju s-sid saħansitra dendel karta fejn fuqha hemm messaġġ li jgħid li dawk li ma jħallsux il-kera fil-ħin għandhom biss tlett ijiem ċans fejn jekk ma jħalsux fir-raba’ jum ikollhom jitilqu.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjoni sabiex tistabbilixxi min hu sid il-post, hekk kif il-persuna li allegatament kienet iddaħħal in-nies f’dan ir-razzett tal-baqar mhux sid il-post.
Intant, bħalissa għaddejja operazzjoni mill-Awtoritajiet biex l-immigranti li nstabu jgħixu f’dan il-post mitluq jitpoġġew f’akkomodazzjoni alternattiva.