Il-kampanja mid-Dipartiment tad-Dwana kontra l-importazzjoni, il-bejgħ u l-konsum ta’ prodotti tal-kuntrabandu kompliet tintensifika matul il-tmiem il-ġimgħa li għaddiet b’diversi spezzjonijiet li saru madwar Malta fi ħwienet u swieq.
Fil-fatt ġew interċettati numru ta’ sigaretti tal-kuntrabandu u xorb alkoħoliku f’Birkirkara, fejn anki ġiet maqbuda vettura, Ħaż-Żabbar, in-Naxxar il-Belt u l-Imsida.
L-ikbar ħidma tad-Dwana, wara siegħat twal ta’ osservazzjoni, kienet tinvolvi mini market fl-Imsida. F’dan il-mini market ġew interċettati fuq l-ixkafef tiegħu 268 flixkun xorb alkoħoliku tal-kuntrabandu. Apparti hekk, fil-kexxun tal-ħanut instabu wkoll 163 strixxa tas-sisa li suppost kellhom jitwaħħlu fuq xorb ieħor.
Id-Dipartiment tad-Dwana jappella lill-pubbliku biex, jekk jiltaqa’ ma xorb alkoħoliku mhux fiskalment immarkat bl-istrixxa tas-sisa, jirrapporta anonimament fuq 2568 5124 jew 2568 5200.