Wara li fl-aħħar jiem kull min għamel użu mill-parkeġġ ta’ Mater Dei beda jgawdi minn tariffi orħos, issa kien imiss lill-ħaddiema li kienu mal-kuntrattur preċedenti tal-parkeġġ li jgawdu wkoll.
Dan hekk kif bil-kollaborazzjoni tal-General Workers Union flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei Ivan Falzon, intlaħaq ftehim ma’ aktar minn sitt mitt ħaddiem li fil-kuntratt preċedenti tal-parkeġġ kienu jgawdu minn parkeġġ b’xejn.
F’kummenti ma’ One News, id-deputat Prim Ministru Chris Fearne sostna li permezz ta’ dan il-ftehim, b’mod tanġibbli l-ħaddiema li kienu mal-kuntrattur preċedenti qed jingħtaw parkeġġ b’xejn jew użu ta’ trasport pubbliku ssusidjat.
Bħala Gvern tal-ħaddiema konxji ħafna li l-ħaddiema li qed jagħtu servizz lill-pazjenti tagħna ngħinuhom kemm nistgħu allura tajna inċentiv lil dawk il-ħaddiema li jridu jużaw it-trasport pubbliku u għandna numru ta’ ħaddiema sew li se jużaw it-trasport pubbliku b’mod susidjat biex issa hemm inqas karozzi fit-toroq u inqas konġestjoni ma’ Mater Dei. Il-ħaddiema l-oħra li jridu jibqgħu jipparkjaw bi ftehim mal-GWU u ż-żewġ kumpaniji nvoluti issa dawn l-ħaddiema se jkollhom parkeġġ b’xejn.
Wara għaxar snin ta’ kuntratt, fejn il-Gvern kien iħallas lill-kuntrattur b’tariffi għolja, issa l-istorja nbiddlet, biex kemm il-viżitaturi u anke l-ħaddiema tal-istess sptar igawdu minn tariffi orħos.
Il-kuntrattur il-ġdid ħa jraħħas kif filfatt raħħas il-prezzijiet tal-parkeġġ b’rata ta’ 15 fil-mija u aktar min hekk qed iħallas lill-Gvern talli qed juża l-konċesjoni iġifieri l-kuntrattur qed jagħti xogħolu jaqla l-flus minn fuq il-pazjenti imma b’rata irħas minn qabel imma qed iħallas lill-Gvern talli qed juża l-konċessjoni.
Intant, f’intervista rrekordjata li se tixxandar l-Ħadd filgħodu fuq One Radio, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar dawn in-negozjati.
Qal li sar ftehim ma’ dawn l-ħaddiema għaliex dan huwa Gvern li jemmen li jrid jgħin liż-żgħir.
Naħseb jien mal-ħaddiema speċjalment dawk fuq paga minima jew pagi mhux daqstant għoljin mhux ħa niġġieled għal 75c kuljum f’ ġieħ kemm hemm anzi rrid insaħħilhom idejhom biex nirrapreżentaw lil dawk l-aktar li huma fil-bżonn u l-middle class u hemmhekk rridu nagħtu sinjali f’dawn l-affarijiet.