Il-frekwenza ta’ 92.7FM illum qed tiċċelebra is-sebgħa u għoxrin sena mill-ewwel trażmissjoni tagħha. Sebgħa u għoxrin sena ta’ xandir, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum b’ lealtà lejn is-semmiegħa li ta’ kuljum jagħżlu li jisimgħu ONE Radio.
Tul is-snin, ONE Radio laqa fi ħdanu u offra opportunità lil mijiet ta’ kontributuri, fejn serva għalihom tal-ewwel tarġa fid-dinja tax-xandir.
Iżda mhux biss, hekk kif f’dawn is-sebgħa u għoxrin sena, ONE Radio, skeda wara skeda, ħejja għas-semmiegħa tiegħu programmi varji, fosthom dawk mużikali, informattivi, politiċi u interattivi.
F’dan il-jum speċjali għall-istazjon, ONE News tkellem ma’ Clint Bajada, il-kap tat-taqsima radju fi ħdan ONE. Clint rifes l-ewwel darba l-għatba ta’ ONE Radio meta kellu biss erbatax -il sena biex illum hu l-moħħ wara dak kollu li jiġri wara l-mikrofni tal-istazzjon.
One radio għalija jfisser tnejn u għoxrin sena ta’ esperjenzi li minnha tgħallimt. Minn xejn – qas idea xi tfisser media, illum il-ġurnata mmexxi dan l-istazzjon.
Minkejja li t-trażmissjonijiet u l-programmi ma jaqtgħu xejn tul is-sajf, is-Sur Bajada u t-tim ta’ ONE Radio jinsabu għaddejin b’ħidmiethom biex iħejju l-iskeda tax-xitwa li jmiss.
Dalwaqt fi ftit ġimgħat oħra tibda skeda ġdida fil-bidu ta’ ottubru u hemmhekk ser ikollna skeda b’saħħita ħafna b’numru ta’ programmi – se mmissu mmissu tmenin programm differenti li fihom se jkollna mal-mitt kontributur li se jkunu qiegħdin jagħtu sehemhom.
Clint Bajada stqarr magħna li f’dan il-jum, wieħed ma jistax ma jsellimx lil dawk kollha li minn meta Super One Radio kien biss pjan fuq il-karta, kienu ta’ sostenn biex il-ħolma ssir realtà.
Kull sena aħna nieħdu l-opportunità li niftakru fejn beda dan l-istazzjon. prattikament beda minn ħafna donazzjonijiet ta’ ħafna nies differenti biex llum hu l-akbar stazzjon tar-radju u allura huwa mument li nirringrazzjaw lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kemm qabel ma beda, kemm matul it-triq tas-suċċess kif ukoll dawk li għadhom s’issa jagħmlu dan l-istazzjon popolari ngħidulhom grazzi tal-kontribut li taw lill-istazzjon.