Aġenzija Żgħażagħ tniedi l-programm Polifest, bbażat fuq it-tema tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ tal-Ġnus Magħquda għall-2018 Safe Spaces for Youth, bl-għan li joħloq spazji fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiddiskutu diversi suġġetti ma’ dawk li jfasslu l-politika u l-esperti tal-politika. F’dan l-isfond l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kienu mistiedna fil-Villaġġ taż-Żgħażagħ tal-Aġenzija Żgħażagħ għal bidu ta’ dawn id-diskussjonijiet filwaqt li timmotiva liż-żgħażagħ biex ikunu attivi fis-soċjetà.
Dan il-programm se jkun mifrux fuq perjodu ta’ tnax-il xahar bi tnax-il laqgħa nazzjonali taż-żgħażagħ b’rabta mat-tnax-il jum internazzjonali tal-Ġnus Magħquda. Dawn il-laqgħat ser ikunu magħmula minn seminars, workshops u diskussjonijiet maħsuba biex jifformulaw sett ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika li għandhom x’jaqsmu mat-temi tar-realtajiet taż-żgħażagħ f’Malta, l-iżvilupp tal-politika taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni demokratika.
Sadanittant, Aġenzija Żgħażagħ, għal darba oħra nediet l-programm Music Quest bl-għan prinċipali li jagħti appoġġ liż-żgħażagħ li qed jaspiraw biex isiru artisti fix-xena tal-mużika f’Malta.
L-ewwel fażi tal-Music Quest hija bbażata fuq konsulenza u appoġġ, fejn Aġenzija Żgħażagħ tagħti għajnuna lill-applikanti kollha f’diversi oqsma bħal kitba tal-kanzunetti, l-apprezzament tal-mużika u l-organizzazzjoni ta’ workshops dwar suġġetti meħtieġa mill-parteċipanti. Din l-assistenza twassal lill-artisti u l-bands l-għodda meħtieġa biex ikunu jistgħu jikkomponu u jirreġistraw demo oriġinali. It-tieni fażi hija miftuħa għall-artisiti jew/u gruppi żgħażagħ li jixtiequ jaġġornaw il-profil tal-mużika tagħhom.
Fil-fatt ir-rebbieħa tal-Music Quest tal-aħħar edizzjoni kien il-grupp Pyramid Suns u bbenefika minn diversi opportunitajiet li kienu jinkludu għotja ta’ €1,000 bl-opportunità li jirrekordjaw id-diska oriġinali tal-grupp.
Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima stqarr li l-Gvern huwa impenjat li joħloq spazji siguri fejn jiġu mħarsa d-drittijiet taż-żgħażagħ biex jibbenefikaw minn dawn l-ispazji kruċjali li jinkoraġġixxu d-djalogu u l-parteċipazzjoni. Dawn il-postijiet huma mmirati biex jipprovdu pjattaforma xierqa fejn id-diskussjonijiet dwar kwistjonijiet attwali bħal pereżempju l-faqar u s-sostenibbiltà jistgħu jirnexxu u jagħtu riżultati pożittivi.
Il-messaġġ tas-Segretarju Parlamentari Clifton Grima għall-okkażżjoni tal-Jum Internazzjoni taż-Żgħażagħ jinsab fuq https://bit.ly/2ntlsiY