Uħud mill-aqwa kanzunetti Taljani ta’ kantanti bħal Laura Pausini, Zucchero, Eros Ramazzotti, Ivana Spagna u Pooh se jiġu interpretati minn bosta artisti Maltin.
Dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-mużika Taljana m’għandniex dubju li se jkollhom xalata bl-ispettaklu mtella’ waqt it-tieni edizzjoni tal-Notte Italiana bis-sehem tal-Malta Concert Orchesta li se jittella’ s-Sibt fi Pjazza Teatru Rjal.
Il-Malta Concert Orchestra mmexxija mill-Maestro Joe Brown bil-parteċipazzjoni t’għadd ta’ kantanti rinomati f’pajjiżna fosthom Alex Schembri, Neville Refalo, Georgina, Olivia Lewis u Nadia Vella, se jinterpretaw uħud mill-aqwa kanzunetti popolari Taljani.
Il-maestro Joe Brown qal li l-mużika Taljana hija waħda kompluta u għalhekk filwaqt li hija maħbuba mill-Maltin, hija wkoll għal qalbu ħafna.
“Meta ssemmi mużika taljana qed issemmi kollox, qed issemmi melodija, qed issemmi produzzjoni fiha, Allura meta jien inkun qed nirranġaha għall-orkestra, ittini dik l-ispirazzjoni li.. ta’ barra minn hawn ngħidlek id-dritt.”
L-ispettaklu se jibda fit-20.30 bil-Maestro Joe Brown jassigura li l-kunċert se jpaxxi l-widna ta’ min għandu għall-qalbu dan il-ġeneru ta’ muzika.