Ta’ dari kienu jgħidu li Santa Marija f’nofs Awwissu, u kulħadd jieħu li jmissu.
U hekk se jieħdu dawk l-annimali domestiċi li se jaqsmu l-fliegu mal-familji tagħhom fil-ġimgħa ta’ Santa Marija.
Dan hekk kif għat-tieni sena konsekuttiva, is-sezzjoni tal-ħarsien tal-annimali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex nediet l-inizjattiva magħrufa bħala Pet Friendly Holiday.Għal dawk li bejn nhar it-Tnejn u l-Ħadd li ġej se jerħulha lejn il-gżira tat-tlett għoljiet għall-festa popolari ta’ Santa Marija, il-Ministeru ser jieħu ħsieb li jipprovdi ilma adegwat għall-annimali domestiċi fit-terminals kemm taċ-Ċirkewwa kif ukoll dak tal-Imġarr.
Dan qed isir biex dawn l-annimali, ikunu jistgħu jixorbu u jtaffu ftit mis-sħana qalila li taħkem matul is-sajf.
Kull persuna li se taqsam minn Malta lejn Għawdex matul il-ġimgħa se tingħata biljett li jrid jiġi ppreżentat lill-uffiċjali tal-Gozo Channel.
Apparti l-biljett, is-sidien t’annimali domestiċi ser jingħataw ukoll fuljett t’informazzjoni fuq dan is-suġġett.
Waqt it-tnedija ta’ din l-inizzjattiva, il-Ministru għal Għawdex saħqet li fis-sajf hemm tendenza li aktar annimali jiġu abbandunati u s-sezzjoni tal-ħarsien tal-annimali ġiet atrezzata kemm bir-riżorsi umani u bl-għodda neċessarja biex taqdi l-funzjonijiet tagħha bl-iktar mod effiċjenti.