Jista’ akkużat jgħid li qed jinkisru l-jeddijiet tiegħu fundamentali għax meta l-ġurati qegħdin jiddiskutu l-każ tiegħu, ikunu bil-magħluq ? U allura ma jkunx jista’ jirrispondihom ? Jista’ jgħid li mhux qed issir ġustizzja miegħu ?
Jekk ġurnalist jgħid li ma jistax jikxef minn qallu, jien m‘għandix id-dritt għall-informazzjoni ?
Jekk wieħed ikun qal xi ħaġa lill-avukat tiegħu, u dik l-informazzjoni lili tiswieli, jien m’għandix dritt li dak l-avukat jikser is-sigriet professjonali, u jagħtini l-informazzjoni għax inkella jkun qed jiksirli d-drittijiet tiegħi li jkolli informazzjoni kompleta ?
Jekk mara tmur tqerr u tgħidlu li lir-raġel ilha tagħmillu l-qrun, x’jigifieri li l-qassis ma jistax jgħid lir-ragel ? Billi ma jgħidlux, aktar ikun qed ikissru fil-familja, u ghalħekk ikun qed jiksirlu d-dritt fondamentali tiegħu ta’ familja.
Jekk ikun hemm wieħed li għandu ideat li jrid ixandarhom, u jmur fuq Radju 101 jew l-RTK, jista’ xi ħadd izommu milli jieħu l-microphone f’idejh, u jibda jxandar hu ? Jekk xi ħadd jgħidlu le, ikun qed ifixklu fit-tgawdija tad-dritt tal-libertà tal-kelma ?
U jekk xi ħadd imur għand il-Kap tal-Oppożizzjoni u jagħtih dokument (veru u mhux falz), jista’ l-Prim Ministru jordnalu biex ipoġġih fuq il-mejda tal-Kamra, għax inkella jkun qed jikser il-Kostituzzjoni u jikser ukoll id-dritt tal-libertà tal-espressjoni. ?
Skont il-Kostituzzjoni hemm xi ħadd li għandu dritt għal kull dokument li jeżisti ? Hemm jew ma hemmx dokumenti li bħal f’pajjizi oħra, jaqgħu taħt is-sigriet tal-Istat ?
Veru jew mhux veru, li ħlief meta jkun hemm dik li tissejjaħ public enquiry, inkjesta maġisterjali tkun taħt sigriet, u dak is-sigriet jissejjaħ fl-Italja “segreto istruttorio” ? U huwa reat li jinkixef meta tippreġudika investigazzjoni li tkun għaddejja.
Il-Kunsill tal-Ewropa għamel Konvenzjoni dwar id-Dritt għall-Informazzjoni minn Awtoritajiet Pubbliċi, fl-2009, u waqt li tkellmet fuq id-dritt għall-informazzjoni, qalet li waħda mill-eċċezzjonijiet hija meta jkun hemm investigazzjoni kriminali għaddejja. Għax trid tara kollox. Immaġina wieħed jaf li għaddejja investigazzjoni kontrih fuq frodi u jmur u jitlob bi dritt li jagħtuh kopji tal-files, l-ismijiet tax-xhieda u x’qalu.
Mur gib xi pajjiż ieħor fl-Ewropa li jiġi mitlub li jiftaħ file meta hemm parti li tinvolvi investigazzjoni kriminali u tkun aċċessibbli faċilment ! Ngħidu aħna investigazzjoni dwar il-Mafjużi fi Sqallija. Jew ikun xi każ ta’ Scotland Yard fuq traffikar ta’ droga !
Ħareġ ċar li issa hemm investigazzjoni kriminali bbażata fuq parti mill-inkjesta hekk imsejħa Egrant .
Jekk qorti kellha bis-sapjenza tagħha, jew il-ġenn tagħha, tgħid li hemm dan id-dritt, imbagħad irid jibda japplika għall-kull inkjesta oħra.
Kelli raġun insejjaħ dan kollu “ċuċati legali”.