Bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra żewġ Sqallin u Malti akkużati fost oħrajn bi traffikar tad-droga. L-ispettur Kevin Pulis mill-iskwadra ta’ kontra d-droga qal li wara li rċieva informazzjon li fl-imħażen ta’ kumpanija tat-trasport f’Ta’ Qali kien hemm id-droga f’kunsinna ta’ bettiegħ, li l-Pulizja marru jinvestigaw u sabu d-droga kannabis taħt il-bettiegħ. Qal ukoll li wieħed mill-Isqallin, Francesco Pisano ta’ 41 sena, mar biex jiġbor palette dulliegħ.
Huwa żied jgħid li kien hawnhekk fejn huwa talab lill-Maġistat biex iwasslu l-kunsinna b’mod ikkontrollat. Dan għaliex kien hemm persuna li kienet qed tistaqsi lill-kumpanija x’ħin se ssir id-delivery.
L-ispettur qal li hekk kif il-kumpanija tathom xufier biex iwettqu l-operazzjoni u jagħmel id-delivery Ħal Luqa.
Huwa qal li fuq il-post marru iż-żewġ akkużat oħra, Dennis Agius ta’ 28 sena residenti San Ġwann u l-isqalli Antonio Rametta ta’ 30 sena. Dawn ordnaw lis-sewwieq tal-vann jidħol f’ garaxx tal-kostruzzjoni biex jinħatt. Kien hawnhekk fejn il-pulizija arrestat liż-żewġ akkużati u fittxet fil-karozza tal-akkużati. It-tfittxija waslet biex tiġi solevata arma tan-nar. L-ispettur qal li filwaqt li nstabu mija u għaxar kilogrammi droga mal-bettiegħ instabu disgħin kilogrammi oħra mad-dulliegħ u għalhekk l-għada hu u spetturi oħra interrogaw lill-arrestati.
Rametta ammetta li kien hu li kellu jieħu ħsieb it-trasport tad-droga u li kellu jirċievi ħamest elef ewro. Huwa qal lil pulizija li għamel dan minħabba problemi ta’ użura. Fl-interrogazzjoni, Dennis Agius assistit mill-avukat Franco Debono, ma weġibx għal-ħafna mistoqsijiet.
It-tielet akkużat, Francesco Pisano qal waqt l-interrogazzjoni li hu kien imqabbad sabiex jiġbor id-droga li kien hemm mad-dulliegħ.