Infrastructure Malta qed tlesti ħidma ta’ madwar €450,000 sabiex tibni mill-ġdid Triq il-Keffa, triq residenzjali ta’ madwar nofs kilometre li kienet ilha mkissra u mitluqa għal ħafna snin.
Il-kuntratturi tal-aġenzija bdew jiksu t-triq bl-aħħar saffi ta’ asfalt kmieni l-Ħamis filgħodu, wara li tlestew għadd ta’ xogħlijiet oħra, fosthom sistemi tat-tqassim tas-servizzi taħt il-livell tat-triq, sistemi tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita u bini mill-ġdid tal-pedamenti u l-bankini tat-triq.
Ftit snin ilu, il-Kunsill Lokali Swieqi, l-entità responsabbli miż-żamma ta’ din it-triq, talab lill-Gvern jgħin fit-tiswijiet ta’ din it-triq. L-istess Kunsill Lokali stqarr li ma kienx jiflaħ għall-ispiża ta’ dan il-proġett għaliex sabiex ix-xogħol meħtieġ isir minnu kien ikollu jonfoq il-fondi li kellu allokati għall-ħidma kollha tiegħu fil-lokalità għal aktar minn sitt xhur. Aktar kmieni din is-sena, Transport Malta, u eventwalment Infrastructure Malta, bdew ix-xogħlijiet meħtieġa biex din it-triq tinbena mill-ġdid.
Infrastructure Malta twaqqfet aktar kmieni dan is-sajf sabiex twettaq l-impenn tal-Gvern li jinvesti f’ħidma bla preċedent biex titjieb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq tal-pajjiż. L-aġenzija mhux qed tiffoka biss fuq titjib fit-toroq arterjali, iżda b’mod gradwali qed taħdem ukoll biex ittejjeb il-qagħda tat-toroq residenzjali li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex. Minbarra li jinbnew mill-ġdid toroq residenzjali li jinsabu fi stat ħażin, ser jinbnew ukoll madwar 170 triq li minkejja li hemm ħafna familji jgħixu fihom, baqgħu qatt ma nbnew u nksew bl-asfalt kif meħtieġ.
Il-proġett ta’ Triq il-Keffa jinkludi l-bini mill-ġdid ta’ aktar minn 700 metru ta’ bankini, sistema ġdida ta’ madwar 130 metru ta’ kanali għall-ilma tax-xita fin-naħa t’isfel tat-triq u l-bdil u t-tisħiħ ta’ diversi sistemi ta’ pajpijiet u cables taħt l-art meħtieġa għat-tqassim tas-servizzi tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni lill-propjetajiet ta’ dawn l-inħawi. Malli tlestew dawn ix-xogħljiet taħt il-livell tat-triq, il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta bnew mill-ġdid is-sisien tat-triq u ksewha b’wiċċ ta’ asfalt ġdid.
Ħidmiet oħra ta’ Infrastructure Malta sabiex jinbnew mill-ġdid toroq arterjali ewlenin, toroq residenzjali u oħrajn fil-kampanja f’għadd ta’ nħawi differenti madwar il-pajjiż mistennija jkunu lesti fix-xhur li ġejjin. Fl-istes waqt, l-aġenzija dalwaqt ser tħabbar aktar proġetti ta’ titjib f’ħafna toroq oħra f’Malta u Għawdex.
Aktar tagħrif jew għajnuna dwar dawn ix-xogħlijiet jistgħu jinkisbu minn Infrastructure Malta fuq 2334 1000 jew info.im@infrastructuremalta.com.