Fl-eqqel tas-sajf, fazzjonijiet fi ħdan il-Partit Nazzjonalista komplew jippruvaw jaqtgħu saqajn xulxin.
Fuq it-Times, id-deputat Nazzjonalista David Stellini ma qagħadx jogħmodha u saħaq li l-fatt li l-Partit Nazzjonalista taħt Simon Busuttil niżżel in-nies fit-toroq fuq l-istorja ta’ Egrant, mingħajr ma kellu evidenza f’idejh kienet deċiżjoni ħażina ħafna.
Stellini huwa wkoll l-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, wieħed mill-organi tal-Partit li Delia nqeda bih biex inizzjalment juri l-bieb ta’ barra lil Simon Busuttil biex imbagħad l-istess Kap Nazzjonalista daqq l-irtirata u mar lura minn kliemu dwar Busuttil.
B’rabta ma’ dan l-artiklu, lanqas kien laħaq bexbex sew filgħodu mill-pubblikazzjoni tal-artiklu ta’ Stellini, li d-deputat Nazzjonalista ieħor Jason Azzopardi fuq il-profil tiegħu ta’ facebook infexx jitgħajjar ma’ Stellini.
B’metafori bibbliċi fosthom dwar Ġuda l-Iskarjota u t-tletin biċċa tal-fidda, Jason Azzopardi ta x’jifhem kif fi ħdan il-Partit Nazzjonalista hemm tradimenti sħaħ biex jinxtraw alleanzi li jkomplu jħawdu l-imħuħ.
Tant l-artiklu ta’ Stellini ma niżżilux, li Jason Azzopardi saħaq li huwa tat-tqalligħ.
Intant it-tgħajjir bla skrupli fi ħdan il-Partit Nazzjonalista baqa’ għaddej anki bejn kandidati u nies li jafu sew il-kurituri tal-istamperija.
Justin Schembri, kandidat Nazzjonalista fuq it-tmien distrett li huwa magħruf kemm joqgħod kif jgħidulu ta’ Delia, spiċċa f’nofs kontroversja wara li f’artiklu fuq in-Nazzjon kiteb li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ itejjeb il-mod kif jikkomunika l-messaġġ tiegħu.
Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li dwar dan jimita lill-Partit Laburista.
Fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Schembri kien kostrett jiddefendi lilu nnifsu minn attakki minn Nazzjonalisti stess fosthom David Griscti li jagħmel mal-fazzjoni ta’ Busuttil.
Griscti li fi żmien li kien imexxi l-AŻAD, waqt it-tellieqa għal Kap, bla tidwir mal-lewża qal li Delia ma jkunx kap tajjeb għal Partit Nazzjonalista spiċċa jitgħajjar ma’ Schembri.
B’dan tal-aħħar imbagħad spiċċa jikkritika bl-aħrax il-mod kif l-AŻAD mexa fil-passat.