Dokumentarju ġdid ta’ siegħa u nofs, li se jixxandar fuq One fiż-żmien li ġej, jitfa’ dawl fuq is-sengħa tas-sajd għal-lampuki li jipprattikaw bosta Xlukkajri.
Id-dokumentarju bl-isem ‘Sajd bil-Kannizzati’ juri kemm verament hija diffiċli l-ħajja ta’ sajjied hekk kif juri il-qabda tal-ħut mill-punt li s-sajjied imur ’il barra mill-kenn tal-port fuq il-qoxra tiegħu sakemm kmieni filgħodu jerħilha biex ibiegħ il-prodott tiegħu fil-pixkerija.
F’kelmtejn li għamel il-Produttur tad-dokumentarju, Chris Micallef, qabel intwera għall-ewwel darba f’Malta fil-pjazza ta’ Marsaxlokk it-Tnejn filgħaxija, huwa qabbel il-port ta’ Marsaxlokk ma’ skutella kollha ħelu kkulurit, bil-kuluri tal-port ta’ Marsaxlokk ikunu id-dgħajjes kollha lwien tradizzjonali miżbugħa aħmar, isfar u blu.
Chris Micallef qalilna kif din ma kinitx l-ewwel darba li flimkien ma’ missieru Maurice, id-direttur tal-produzzjoni, ħadem fuq dokumentarju fuq il-qbid tal-lampuki.
Micallef qal li “Jien u missieri konna għamilna dan id-dokumentarju fuq pellikola, f’Super eight. Konna ħriġna fis-sittax t’Ottubru tal-elf disa’ mija wieħed u disgħin. Irbatt qalbi mal-post u meta ġie.. dejjem xtaqt nagħmlu iktar elaborat. Billi qed ngħati kontribut esklussiv għal-ONE, il-management iddeċieda, flimkien illi nagħmluh dan id-dokumentarju u għamilnieħ kif dejjem xtaqt.”
ONE NEWS tkellem ukoll mal-familja Carabott.
Familja ta’ sajjieda magħmula mill-missier u tliet uliedu. Id-dokumentarju juri lil din il-familja waqt waħda mill-ħarġiet tas-sajd għal-lampuki.
Frans Carabott, wieħed mill-aħwa, saħaq li dan id-dokumentarju se jitfa’ dawl fuq xi tfisser li tkun sajjied tal-Lampuki.
Carabott qal li “ In-nies naħseb ma jafux kif tinqabad din il-ħuta u minn fejn tibda u naħseb b’dan id-dokumentarju ħa jkunu jafu mill-bidu, naħseb sal-aħħar, fejn tispiċċa l-ħuta, kemm fiha xogħol.”
Id-dokumentarju għamel bosta suċċessi barra minn xtutna hekk kif rebaħ premji prestiġjużi ġo Hollywood, Los Angeles, New York u Houston. Dan filwaqt li n-narrazzjoni tan-narratur Manuel Cauchi rebħet it-titlu ta’ ‘Best Voiceovers’ waqt l-ONIROS Film Awards f’Aosta fl-Italja.