Wara li sar magħruf li Egrant hi gidba ċċertifikata mhux biss inqasam il-grupp parlamentari Nazzjonalista, iżda anke l-partitarji tal-istess partit.
Stħarriġ tal-maltatoday juri li dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali vvotaw lill-Partit Nazzjonalista huma maqsumin minn nofs meta mitluba jgħidu jekk jaqblux li Simon Busuttil intalab jitlaq mill-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Kienu 38.7% ta’ dawk li vvotaw il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali li qalu li jaqblu ma’ Adrian Delia li talab lil Simon Busuttil jissospendi ruħu. Iżda, mbagħad kien hemm 33.7% li qalu li ma jaqblux. 27.7% ta’ dawk li kienu vvotaw lill-Partit Nazzjonalista qalu li ma kinux f’pożizzjoni li jwieġbu din id-domanda.
Interessanti li skont l-istess stħarriġ l-maġġoranza tal-poplu Malti ħasbu li kienet tagħmel sens id-deċiżjoni ta’ Delai li jitlob lil Busuttil jissospendi lilu nnifsu.
Għalkemm eventwalment Delia kellu jċedi għall-establishment u baqa’ fil-grupp parlamentari daqs li kieku qatt ma kien xejn.
Fil-fatt, Delia kellu appoġġ fl-amministrattiv biex iwassal id-deċiżjoni tiegħu, iżda mhux fl-eżekuttiv u l-grupp parlamentari.
Għalhekk kellu jmur lura minn kelmtu f’dik li skont analisti tal-politika kienet deċiżjoni li kompliet iddgħajfu.
Fil-fatt Delia ħa din id-deċiżjoni bit-tama li ma jinqasamx il-partit. U għalkemm fid-deher seta’ jgħid li kkalmaw l-affarijiet ta’ kuljum fid-Dar Ċentrali qed ikollu jħabbat wiċċu ma’ kwistjonijiet ġodda.