Malta fil-Ġappun hija rappreżentata l-iktar mit-tonn Malti… sal-lum. Iżda l-laqgħat tal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Ġappun fetħu toroq ġodda għal negozju bejn dan il-ġgant ekonomiku dinji u Malta minn oqsma bħall-Blockchain u muniti virtwali, sa teknoloġija ġdida fil-qasam tal-enerġija mir-riħ, kif ukoll mat-tonn nistgħu nibdew nesportaw il-majjal Malti u prodotti oħra Maltin.
Il-Ġappun, magħruf bħala ċ-ċentru dinji tat-teknoloġiji tal-futur, qed iħares lejn pajjiżna bħala mexxej dinji fil-qasam tat-teknoloġija tal-Blockchain. Dan ħareġ mil-laqgħat li saru fejn numru ta’ imprendituri kbar Ġappuniżi attendew żewġ laqgħat organizzati minn Trade Malta u anke kellhom l-opportunità jiltaqgħu mal-Prim Ministru Malti. Kollha kellhom kliem ta’ tifħir għall-mod kif Malta qed turi t-triq u toffri qafas regolatorju għat-teknoloġija tal-Blockchain.
Dan qed iwassal biex kumpaniji kbar Ġappuniżi jħarsu lejn Malta biex jibdew operazzjonijiet ġodda f’din it-teknoloġija Blockchain li tista’ sservi għal oqsma bħall-qasam tas-saħħa, sal-qasam tal-eGaming, amministrazzjoni pubblika, kif ukoll servizzi finanzjarji.
Il-laqgħat politiċi li saru bejn il-Prim Ministru Malti u l-Prim Ministru tal-Ġappun għenu mhux ftit biex jinfetħu toroq ġodda bejn Malta u l-Ġappun mhux biss ekonomiċi, iżda anke politiċi, kulturali u diplomatiċi.
Minn informazzjoni li kisbet il-gazzetta KullĦadd, il-laqgħat bejn Muscat u Abe, li jmexxi t-tielet l-iktar ekonomija b’saħħitha fid-dinja, marru mit-tajjeb għall-aħjar. Iż-żewġ mexxejja wrew li jinsabu fuq l-istess livell ta’ ħsieb ekonomiku u politiku kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ relazzjonijiet bejn Malta u l-Ġappun, kif ukoll mal-oqsma internazzjonali; mir-relazzjonijiet mal-Ewropa, l-Istati Uniti u dak li għaddej mal-Korea ta’ Fuq.
Riżultati konkreti
Id-delegazzjoni kummerċjali li tmexxiet mill-Prim Ministru fil-Ġappun, organizzata minn Trade Malta, kienet magħmula minn 25 kumpanija Maltija li joperaw f’setturi varji, mill-manifattura, sat-turiżmu, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-servizzi finanzjarji sal-industrija tat-tkabbir tal-ħut. Magħhom ingħaqdu wkoll tmien entitajiet governattivi bil-għan li jitkattru relazzjonijiet ma’ entitajiet Ġappuniżi.
Min-naħa l-oħra kien hemm interess kbir minn kumpaniji Ġappuniżi li attendew għal żewġ business forums organizzati minn Trade Malta f’żewġt ibliet differenti fil-Ġappun, f’Tokyo u f’Osaka.
Id-delegazzjoni politika li akkumpanjat il-Prim Ministru Malti kienet magħmula mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela u l-Membru Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi. Il-Ministru Abela, li taħtu taqa’ Trade Malta, kellu wkoll laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġappuniż.
Fost l-iktar laqgħat importanti kien hemm dik mal-Japan External Trade Organisation li hija l-entità li tieħu ħsieb il-kummerċ tal-Ġappun ma’ pajjiżi internazzjonali. Waqt din il-laqgħa, il-Prim Ministru ta rendikont sħiħ ta’ x’tista’ toffri Malta bħala bażi għall-kummerċ Ġappuniż. Fil-laqgħa maċ-Ċermen u Kap Eżekuttiv ta’ JETRO, Hiroyuki Ishiga ġew diskussi b’mod konkret setturi bħall-avjazzoni b’mod partikolari kiri ta’ ajruplani, sa oqsma ta’ inġinerija avvanzata fil-manifattura, servizzi u anke l-esportazzjoni tal-majjali.
Dan wassal biex il-Kap Eżekuttiv tal-korporazzjoni jisħaq li jara potenzjal qawwi biex kumpaniji Ġappuniżi jisfruttaw il-pożizzjoni strateġika ta’ Malta billi jkollhom ċentri ta’ loġistika li bihom jilħqu swieq Ewropej u fl-Afrika ta’ Fuq.
F’laqgħa oħra mal-kumpanija ġganteska Mitsui, ġew diskussi wkoll oqsma ta’ koperazzjoni fis-settur tal-enerġija b’mod speċifiku fuq enerġija nadifa minn sistemi tat-trasport sa enerġija mir-riħ.
Kelliem għall-Gvern ikkonferma li ż-żjara fil-Ġappun mhux biss kienet waħda importanti mil-lat kummerċjali, iżda kompliet issaħħaħ l-istatura ta’ Joseph Muscat f’laqgħat ma’ mexxejja dinjin bħal Shinzo Abe, li huwa wieħed mill-mexxejja tal-pajjiżi l-iktar b’saħħithom ekonomikament fil-grupp ta’ pajjiżi magħrufa bħala l-G7.