Fi Stqarrija l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali ħabbret li nstabet soluzzjoni temporanja biex issolvi l-problemi li kienu qed jinqalgħu meta wieħed ikollu bżonn jirriserva parkeġġ ta’ karozza minħabba xi xogħlijiet.
Waqt laqgħa li għaliha kien hemm preżenti uffiċjali għoljin tal-korp tal-pulizija, mill-Ministeru għall-Gvern Lokali, l-Awtorità tat-Trasport u l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali ġie deċiż li meta wieħed irid li f’xi parkeġġ ma jipparkjawx karozzi il-Kunsill Lokali għandha tintuża tabella speċifika.
Din it-tabella għandha titwaħħal fil-post sa mhux iktar tard minn jumejn qabel il-bżonn li l-parkeġġ jitħalla vakanti. Wieħed huwa mitlub li jieħu ritratt tat-tabella mwaħħla sabiex ikun jista’ jsostni li din twaħħlet fil-ħin.
Jekk is-sewwieqa ma jimxux mat-tabella u ma jħallux il-post vakanti, l-uffiċjali tal-pulizija issa se jerġgħu ikunu jistgħu iwissu lis-sewwieq b’telefonata u jitolbu li titmexxa l-karozza. Madankollu jekk it-twissija taqa’ fuq widnejn torox, il-pulizija se tkun tista’ tħarrek. It-taħrika li tingħata fuq żgombru hija waħda fost l-għoljin hekk kif taqbeż il-mitt ewro.
Il-President tal-Assoċjazzjoni, Mario Fava saħaq li din hija biss soluzzjoni temporanja għal problema li kienet qed tinqala’ dan l-aħħar meta wieħed jkollu bżonn parti mit-triq vojta biex isiru xi xogħlijiet.
Fava qal li “ Dan il-ftehim li hemm bħalissa fis-seħħ illi bih qed jaħdmu ir-residenti huwa wieħed temporanju kif għidt u ċertament illi l-unika ħaġa illi se twassal għal soluzzjoni dejjiema, hija li jkun hemm emendi fil-liġi iswed fuq l-abjad permezz ta’ legal notice biex temenda l-avviżi legali kollha li hemm tat-tlett partijiet, tal-kunsill lokali, tal-pulizija u Transport Malta biex b’hekk dawn ikunu b’mod ħolistiku jaħdmu flimkien u għaldaqstant ma jkunx hemm problemi oħra simili fil-futur.”
Huwa saħaq li b’dan il-mod il-problema li iħolqot biex jiġu ikkuntatjati s-sewwieqa biex imexxu l-karozzi minħabba l-liġi ġdida Ewropeja tal-GDPR issa tkun riżolta.