F’Ottubru li ġej l-Awtorita Maltija għas-Servizzi Finanzjarja mistennija tkun f’pużizzjoni li tibda tipproċessa u toħroġ liċenzji għal operaturi fejn għandu x’jaqsam Assi Finanzjarji virtwali. Proċess li dwaru l-Awtorita għaddejja b’konsultazzjoni.
Sostna dan il-Kap Eżekuttiv tal-istess Awtorita, Joseph Cuschieri, f’intervista ma’ One News.
Din, tenna s-Sur Cuschieri hija ħolqa fi strateġija biex pajjiiżna jkun minn ta’ quddiem nett fit-teknoloġija tal-Fintech – servizzi tat-teknoloġija tal-finanzi.
Cuschieri qal li “U aħna nemmnu li Malta tista’ tkun leader fl-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Fintech. U fil-fatt issa qed infasslu strateġija biex is-sena ddieħla invaraw il-viżjoni tagħna ta’ Malta fejn trid tkun fil-Fintech.”Assi Finanzjarji Virtwali huma muniti virtwali li jinħolqu f’sistema kompjuterizzata – muniti li mhumiex ingranati mas-sistema finanzjarja kif nafuha llum fejn hemm muniti bħad-dollaru u l-ewro.
Qal li “Illum il-ġurnata tista’ tħallas biha, pero huma ftit l-istituzzjonijiet li jaqilbuha minn munita virtwali għal munita kif nafuha aħna. Pero hija munita li qed issir iktar popolari, u nemmen illi fis-snin illi ġejjin din issir munita li ssir parti mis-sistema finanzjarja globali.”
Bl-abbozz li għandha għall-konsultazzjoni, l-MFSA qed tippjana li toħloq qafas regolatorju li tiżgura serjeta fl-amministrazzjoni ta’ dan is-settur, u protezzjoni għall-konsumaturi.
Dan permezz ta’ obbligi serji għall-operaturi ta’ settur li s’issa madwar id-dinja ftit li xejn huwa regolat.
Fil-fatt l-Awtorita kkunsidrat l-obbligi eżistenti bħalissa fid-dinja finanzjarja, u adattathom għal din it-teknoloġija ġdida – inkluż dwar ħasil ta’ flus, protezzjoni tal-konsumatur, u awditjar tas-sistemi.
Spjega li “Li rridu hu investiment minn nies serji. Aħna Malta rridu nattiraw investiment u operaturi li huma serji u ta’ integrita. Ma rridux operaturi li jiġu Malta biex jikkreaw ċertu ħsara f’pajjiżna.”
Lil hinn minn dan, is-Sur Cuschieri jemmen li b’liġijiet jew policies apposta, għandha tinħoloq struttura biex dawn it-teknoloġiji ġodda jiġu ttestjati f’pajjiżna.
Is-Sur Cuschieri nnota li l-pass mgħaġġel fl-iżvilupp tat-teknoloġija mhux mistenni jnaqqas, b’riskju li ċertu mudelli, teknoloġiji u operaturi jispiċċaw antikwati.
Għaldaqstant, tenna, huwa importanti li pajjiżna, b’mod kawt, ikun minn ta’ quddiem f’dik li sejjaħ rivoluzzjoni teknoloġika.
Cuschieri qal li “Dik hija r-rivoluzzjoni teknoloġika. Allura dawn it-teknoloġiji bħall-blockchain, dawn se jagħtu l-opportunita li jiġi rivoluzzjonat il-mod kif il-konsumatur jixtri u juża servizzi finanzjarji. U naħseb il-futur hemm qiegħed.”