Ma’ kull gaġġa tat-tonn tal-operaturi li huma msieħba fil-ftehim tal-Federazzjoni Maltija għall-Prodotti tal-Akwakultura, tqiegħdu l-booms sabiex dawn inaqqsu t-tniġġis mill-fish farms.
Fi stqarrija l-Federazzjoni innutat b’mod pożittiv kif l-operaturi tal-industrija tat-tonn li ffirmaw il-ftehim favur standards ambjentali aktar ogħla kienu propseni li jisimgħu l-għajta tan-nies u direzzjoni tal-Gvern meta b’effett immedjat wieġbu għat-talba tal-Ministeru tal-Ambjent biex ma jagħlfux sakemm jitqiegħdu l-booms.
Filwaqt li kien hemm xi operaturi imsieħba magħha li kienu diġà qed jużaw il-booms oħrajn kienu jinsabu fil-proċess li dan jitlesta u fil-frattemp għal dawk il-gaġeġ li kienu mingħajr booms l-alf ġie parzjalment sospiż.
Dan il-proċess issa tlesta u b’hekk l-gaġeġ tal-operaturi li huma firmatarji ta’ dan il-ftehim awto-regolamentarju (self-regulation) jinsabu mgħammra b’materjal apposta biex jilqa’ kemm jista’ żejt u materjal ieħor li jista’ jkun konsegwenza tal-industrija.
Aktar kmieni din il-ġimgħa l-FMAP f’Tokyo fil-Ġappun flimkien ma’ erbgħa mill-ħames operaturi tat-tonn ffirmaw ftehim li permezz tiegħu huma kkommettew ruħhom favur baħar aktar nadif fosthom li kull gaġġa jkollha l-oil booms, li jitwaqqaf call centre, li jiġi sospiż l-proċess tal-alf jekk u meta ċ-ċirkostanzi ambjentali hekk jitolbu waqt li kull operator jkollu dgħajjes tiegħu mal-gaġeġ jiġbor iż-żejt mill-oil booms u materjal ieħor ta’ skart.
Il-Federazzjoni qalet kif fil-frattemp qed jsiru spezzjonijiet regolari mill-ajru u mill-baħar biex l-federazzjoni jkollha konjizzjoni ferm aħjar ta’ kif l-operaturi membri tagħha qed joperaw u dan b’rispett sħih lejn l-ambjent.
L-operaturi f’dan il-ftehim huma s-soċjetajiet AJD Tuna Limited, Fish and Fish Limited, Malta Mariculture Limited u MFF Limited.
Sadanittant il-Federazzjoni appuntat lill-Professur Joe Borg – Kap tad-Dipartiment fil-Fakultà tax-Xjenza fl-Università ta’ Malta, kif ukoll marine biologist u kontributur ewlieni f’diversi fora u pubblikazzjoni relatati mal-akwakultura biex ikun hu l-espert indipendenti appuntat li janalizza u jsegwi mill-qrib l-aspetti ambjentali kollha relatati ma’ din l-industrija.