Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana nediet il-proċess ta’ konsultazzjoni li għandu jwassal biex f’Għawdex titwaqqaf l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, fl-ispirtu sħiħ tal-wegħda elettorali li għandu dan il-gvern.
Il-Ministru Caruana spjegat kif mal-medda tas-snin, kull gvern, kemm qabel kif ukoll wara l-Indipendenza, ħolqu strumenti ta’ governanza biex jagħtu aktar saħħa u attenzjoni lill-aspett reġjonali ta’ Għawdex. Ewlenin fosthom kienu l-Kunsill Ċiviku ta’ Għawdex, u aktar tard, il-Ministeru għal Għawdex. Apparti dawn, Justyne Caruana rrikonoxxiet il-fatt li Għawdex gawda ukoll mid-devoluzjoni ta’ ċertu awtoritajiet f’diversi oqsma fi ħdan il-gvern ċentrali kif ukoll il-Kumitat Regjonali fi ħdan l-MCESD. Però, issa wasalna f’punt li rridu nagħmlu pass ieħor, sostniet il-Ministru għal Għawdex.
Il-Ministru qalet li permezz tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex se jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali ta’ Għawdex. Għal darba oħra, il-Ministeru għal Għawdex se jiffoka fuq id-direzzjoni politika fl-ambitu tal-politika nazzjonali iżda b’enfasi fuq il-bżonnijiet speċjali ta’ Għawdex. Dan se jippermetti lill-Awtorità tistituzzjonalizza diversi rwoli.
Justyne Caruana qalet li l-Awtorità se tassigura li Għawdex ikollu strateġija ta’ żvilupp reġjonali li tiġi riveduta kull tliet snin biex kemm il-qafas ekonomiku, soċjali, u ambjentali ta’ Għawdex ikunu kontinwament aġġornati għaċ-ċirkostanzi li jinbidlu u l-opportunitajiet li jinħolqu. Il-Ministru għal Għawdex tat xi eżempji kif fil-passat, Għawdex kellu diversi pjanijiet strateġiċi—fl-2005, il-Ministeru għal Għawdex kien nieda pjan ta’ żvilupp soċjo-ekonomiku ta’ ħames snin, u fl-2010 tnediet l-istrateġija ta’ Għawdex ‘eko-Għawdex’—iżda dawn ftit li xejn ġew attwati peress li l-persuni li sawru dawn il-politiki nbidlu u magħhom għalhekk inbidlu l-prijoritajiet li wasslu sabiex dawn id-dokumenti eventwalment jintesew.
Il-Ministru Caruana qalet li l-irwol ewlieni ta’ din l-Awtorità se jassigura li dan ma jseħħx, imma din se toffri kontinwità u koerenza fl-ippjanar tal-iżvilupp strateġiku. Hija kompliet billi sostniet li dan se jsir b’mod pjanat, strutturat u mingħajr interruzzjoni li jassigura żvilupp kontinwu. L-Awtorità se tkun responsabbli mill-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-iżvilupp reġjonali ta’ Għawdex skont miri ċari marbuta ma’ dati stabbiliti minn qabel.
Saru interventi wkoll mill-konsulenti David Spiteri Gingell, Dr Vanni Bruno u Dr Gordon Cordina, li lkoll ħarsu lejn din l-Awtorità minn perspettivi differenti bl-għan li l-messaġġ dwar l-importanza ta’ din l-Awtorità jkun ċar u l-miri jiġu maqbula minn kulħadd.
Waqt din it-tnedija pparteċipaw ukoll fid-diskussjoni għadd ta’ msieħba soċjali li b’mod unanimu wkoll qablu mal-kunċett tat-twaqqif ta’ din l-Awtorità.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika ser jibqa’ miftuħ sat-Tnejn, 3 ta’ Settembru, 2018.
Ritratti: MGOZ