Il-bajja ta’ Imġarr ix-Xini hi l-ewwel bajja Għawdxija li ngħatat l-istat ta’ White Flag Beach. Il-bandiera white flag hi simbolu li l-bajja u l-madwar ġie mnaddaf minn kull tip ta’ plastic u materjal ieħor li jintrema l-baħar u li mhux degredabbli.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana laqgħet b’sodisfazzjon din l-aħbar fejn qalet li inizjattiva bħal din u oħrajn simili, jimxu pass pass mal-istrateġija li qed jadotta d-Dipartiment Eko-Għawdex fi ħdan l-istess Ministeru. Caruana qalet li dan it-tragward jawgura tajjeb għal kull min juża l-bajja ta’ Imġarr ix-Xini però rridu nkomplu naħdmu biex aktar bajjiet ikunu nodfa. Qalet ukoll li din l-inizjattiva se tinfirex f’żewġ bajjiet popolari oħra, dik ta’ Marsalforn u ta’ Daħlet Qorrot fin-Nadur.
Caruana qalet li din l-inizjattiva hi mertu tal-istrateġija li adotta l-Gvern biex l-ibħra ta’ madwar pajjiżna jkunu nodfa minn kull tip ta’ materjal li mhux degredabbli u dan biex l-ambjent marittimu li jdawwarna jkompli jissaħħaħ. Il-Ministru għal Għawdex qalet li l-ħsieb hu li fi ftit snin, il-bajjiet kollha f’Għawdex ikunu klassifikati bħala White Flag Beaches u b’hekk, Għawdex ikun l-uniku destinazzjoni fil-Mediterran li joffri dan il-benefiċċju kemm lir-residenti kif ukoll lill-eluf ta’ turisti li jogħġobhom iżuru lil gżiritna għal btajjel.
Kristijan Curavić, fundatur ta’ White Flag International, li ilu għal dawn l-aħħar 15-il sena jaħdem favur it-tisħiħ tal-ambjent marittimu, faħħar lil Għawdex u iddeskrivieha bħala ġojjel. Hu qal li bi ftit sforz mingħand kulħadd, nassiguraw li kemm l-ambjent marittimu kif ukoll il-bajjiet tagħna jkunu aktar b’saħħithom u siguri biex jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri.