Shannon Mak, Olandiza ta’ tletin sena li kienet toqgħod l-Imsida, inqatlet b’daqqiet ta’ sikkina mill-eks sieħeb tagħha fi Triq il-Mastrudaxxi f’Santa Venera.
Il-katavru tagħha nstab mill-pulizija għall-ħabta tas-sitta u kwart tal-Ġimgħa filgħodu li investigat rapporti tal-ġirien fosthom ta’ raġel li kien sejjer għax-xogħol li lemaħ il-katavru tat-tfajla mixħuta fl-art bejn żewġ karozzi fl-istess triq.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija qalu li jidher li l-mewta tagħha ġiet ikkaġunata b’diversi daqqiet ta’ arma li taqta’ u bil-ponta. It-tfajla nstabet b’għonqha mħanxar.
Minkejja li l-katavru tagħha ma nstabx fi stat ta’ dekompożizzjoni, il-kawża eżatta tal-mewt għad trid tiġi ddeterminata fl-awtopsja li kellha ssir matul il-jum.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija bdew minnufih, tant li ftit tal-ħin wara li nstab il-katavru tat-tfajla, ġie arrestat l-eks sieħeb tagħha minn garaxx li jinsab kantuniera ’l bogħod fi Triq l-Istampaturi. Dan wara li l-pulizija sabet is-sikkina li biha twettaq id-delitt u l-mobile tat-tfajla f’bitħa ta’ dar privat li tagħti għal Triq San Ġużepp.
Sorsi qrib l-investigazzjonjiet tal-pulizija qalu li meta ffaċċjat bil-preżenza tal-pulizija fir-residenza tiegħu, l-Olandiż ma tniffisx u baqa’ kalm. L-istess sorsi qalu li ftit tal-ħin wara li ttieħed fl-Għassa tal-Ħamrun, iż-żagħżugħ ammetta mal-pulizija li kien hu li ħanxar lit-tfajla.
Is-sorsi żiedu jallegaw li ż-żagħżugħ temm ħajjet it-tfajla f’qasir il-għomor wara li ma setax iniżżilha li temmew ir-relazzjoni ta’ bejniethom.
L-istess sorsi qalu li l-vittma ntlemħet l-aħħar il-Ħamis filgħaxija fi stabbiliment tad-divertiment fil-Qawra waqt attività soċjali tax-xogħol u l-Pulizija qed tagħrbel bir-reqqa l-filmati li elevat minn cameras tas-sigurtà fil-madwar.
Dan biex tistabbilixxi l-aħħar moviment tal-vittma u tal-eks sieħeb tagħha.
Il-pulizija għad trid tistabbilixxi wkoll jekk it-tfajla nqatlitx fuq il-post fejn instabet mejta.
It-tfajla Olandiża kienet ilha ilha tgħix Malta għal dawn l-aħħar snin, kienet taħdem ma’ kumpanija tal-gaming li tinsab fi skyparks Ħal Luqa .
Kollegi tat-tfajla li tkellmu ma’ One News qalu li jinsabu maħsuda bil-qtil tal-kollega tagħhom.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ġiet appuntata sabiex tmexxi l-inkjesta u ħatret bosta esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta fosthom lit-Tabib Forensiku Mario Scerri li deher jeżamina l-katavru tat-tfajla fuq il-post. Fl-istess waqt għadd ta’ residenti tat-triq inqabdu f’darhom sakemm intemmu l-investigazzjonijiet.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti s-Sibt mixli bil-qtil volontarju ta’ Shannon.
L-investigazzjonjiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Ispettur Kurt Zahra mill-Iskwadra tal-Omiċidji u mill-Ispettur Robert Vella mill-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun.